Raġel ta’ wieħed u tletin sena minn San Pawl il-Baħar ma ngħatax il-liberta’ proviżorja wara li jinsab akkużat li stupra lil martu. L-identita’ tar-raġel qed tinżamm mistura sabiex jiġu protetti t-tlett t’itfal li għandhom ir-raġel u l-mara.
Il-mara allegat li żewġha sfurzaha iktar minn darba biex ikollha x’taqsam miegħu kontra l-volonta tagħha. Saħansitra sostniet li hija kellha twettaq abort fir-Russja wara li nqabdet tqila riżultat tal-abbuż li seħħ fuqha.
L-avukati difensuri tal-akkużat saħqu li mhux l-ewwel darba l-mara ressqet allegazzjonijiet fil-konfront ta’ żewġha biex imbagħad tirtirahom.
Wara li l-Maġistrat ikkunsidrat il-fatt li r-raġel diġa nstab ħati ta’ offiżi simili ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest.