Wayne Camilleri ta’ tmienja u għoxrin sena residenti f’Ħal Tarxien baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li f’Novembru li għadda daħal fir-residenza tal-ġar tiegħu u seraq apparat elettroniku.
Huwa akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kellu imposti fuqu, hekk kif kien akkużat ukoll b’serq fl-elfejn u sittax.
Fil-Qorti, d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest hekk kif stqarret li sa ftit xhur ilu l-imputat kien dipendenti fuq id-droga, iżda issa jidher li għeleb il-vizzju u qiegħed jerġa’ jimxi fit-triq it-tajba.
Fil-fatt, intqal kif issa l-imputat għandu xogħol full-time, u l-ħabs ipoġġih f’riskju li dan jitlef dak kollu li ħadem għalih.
Min-naħa l-oħra l-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest hekk kif l-allegat vittma tar-reat huwa l-ġar tal-imputat stess u b’hekk hemm ir-riskju tal-intralċ tal-provi.