Sirjan ta’ sebgħa u ħamsin sena li jgħix Wied il-Għajn tressaq il-Qorti akkużat li ta fastidju lill-eks sieħba tiegħu, li tiġi omm bintu ta’ erbatax-il sena.
Fil-Qorti, l-akkużat ġie mixli wkoll li kiser żewġ ordnijiet ta’ trażżin li kienu imposti fuqu mill-Qorti, f’żewġ kawżi separati, aktar kmieni din is-sena.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużat allegatament mhux biss ipprova kemm-il darba jagħmel kuntatt mal-eks sieħba bil-WhatsApp, iżda allegatament, anki segwieha bil-karozza fiż-Żejtun u f’Ħaż-Żabbar.
Jidher li dakinhar saħansitra qagħad jistennieha barra tlesti għand tax-xagħar u kellhom imorru l-Pulizija jgħidulu biex jitlaq.
Fil-Qorti, is-Sirjan wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
F’dan l-istadju, l-Avukati m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużat se jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti laqgħet talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba.