Steve Camilleri ta’ 30 sena u li jgħix f’San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li seraq bosta prodotti minn kumpanija fejn kien jaħdem.
Fil-Qorti nstema’ kif fl-ewwel ta’ Frar li għadda, il-Pulizija rċeviet rapport minn kumpanija lokali li spjegat kif għandha suspett li Camilleri, li kien jaħdem mal-istess kumpanija, seraq bosta affarjiet, u kien qiegħed jipprova jbiegħhom fuq Facebook.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-kumpanija kienet ilha li nnutat bosta affarjiet misruqa, iżda rrappurtat dan is-serq lill-Pulizija wara li rat kitbiet fuq Facebook tal-imputat allegatament jipprova jbiegħ dawn l-affarjiet.
Intqal ukoll kif meta l-Pulizija nvestigaw lill-imputat, allegatament instabu bosta oġġetti li kienu misruqa.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni, hekk kif din spjegat li hemm biża’ ta’ intralċ tal-provi, u li l-imputat ma kkollaborax meta kien qed jiġi interrogat.
Id-Difiża spjegat ukoll li l-imputat jixtri prodotti mill-kumpanija, sabiex dan jerġa’ jbiegħhom, u għalhekk dawk li nstabu ma kinux misruqin.
Huwa nżamm arrestat u l-Prosekuzzjoni intalbet mill-Qorti sabiex ittella’ x-xhieda tagħha mill-aktar fis possibbli.
Għall-imputat dehret l-Avukat Adriana Zammit.