Terence Cini ta’ 38 sena minn Ħal Qormi nżamm arrestat wara li ġie mixli li offra €47,000 lil wieħed mix-xhieda fil-każ tiegħu biex jitla’ l-Qorti u jixhed falz. Allegatament huwa wassal dan il-messaġġ mal-avukat tiegħu stess.
Cini għandu seba’ każijiet pendenti mal-Qorti li fihom kollha ingħata l-ħelsien mill-arrest. L-eqdem każ imur lura għall-2011.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca u John Leigh Howard spjegat li x-xhud Michael John Mugliette bħalissa qiegħed il-ħabs fuq allegat delitt fl-2020.
Intqal li waqt seduta partikolari fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, fen Mugliette kellu jixhed dwar każ kontra Cini, Michael John Mugliette qal lill-Qorti li ma jiftakarx dak li qal taħt ġurament fl-2020, meta kien qal li Cini kien involut fi ftehim tad-droga.
L-ispettur Mercieca kompla jgħid li l-pulizija rċeviet informazzjoni li Cini u Mugliette kienu tkellmu bit-telefown u mir-rekordings ħareġ li Cini u Mugliette ddiskutew il-proċeduri tal-Qorti.
Allegatament Mugliette wiegħed li ma jixhedx kontra Cini b’garanzija li jħallaslu l-multa li kellu ta’ €40,000 u l-ispejjeż tal-Qorti li kienu jammontaw għal €7,000.
Ġie nnutat ukoll li l-avukat Matthew Xuereb mar iżur lil Mugliette l-ħabs, meta Mugliette ma kellu l-ebda każ pendenti li kien jeħtieġ is-servizzi ta’ avukat.
Terence Cini wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni għaliex hem il-possibilità li aktar nies għandho jiġu akkużati b’rabta ma’ dna il-każ.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.