Raġel ġie akkużat li kellu x’jaqsam ma’ żewġ persuni minorenni u persuni oħra vulnerabbli minħabba l-istat psikjatriku tagħha. L-akkużat li ismu ma jistax jissemma sabiex jiġu ssalvagwardjati l-identitajiet tal-vittmi, allegatament kien ikollu x’jaqsam ma’ żewġ subien u tfajla waqt li ommhom li kienet ukoll s-sieħba tal-akkużat kienet tkun qed tirċievi l-kura għall-marda tal-kanċer.
L-ispettur John Spiteri rrakkonta kif il-Pulizija irċeviet rapport mingħand żewġ ommijiet li jiġu minn xulxin li saħqu li l-akkużat kellu x’jaqsam sesswalment mat-tfal tagħhom fuq medda ta’ żmien.
Filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, l-avukat difensur Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest. Dan filwaqt li spjega li r-raġel ma kienx għadu jgħix ma’ omm it-tfal imma reġa’ mar joqgħod m’ommu.
Il-prosekuzzjoni opponiet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bl-ispettur jisħaq li dan kien wieħed mill-iktar każijiet koroh li qatt ħadem fuqhom. Dan filwaqt li l-fedina penali tal-akkużat hija wkoll waħda kkulluritha.
Għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.