Raġel ta’ 55 sena minn Birżebbuġa ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li hedded lil-eks sieħba tiegħu permezz ta’ messaġġi u li pprova jsegwiha wara li telqet minn darhom.
Fil-Qorti nstema’ kif iwara li l-mara ddeċidiet li tfittex impjieg u tħalli lit-tarbija tal-koppja ma’ persuna li l-akkużat ma kienx jafda, ir-raġel ried li jieħu ħsieb lil binhom hu.
L-argument eskala maż-żmien hekk kif reġgħet issemmiet l-idea tal-impjieg. Id-Difiża sostniet li l-akkużat jieħu ħsieb ukoll lil ommu ta’ 90 sena.
Instema’ kif wara li l-mara telqet mid-dar minħabba li ma kinitx tħossha sigura, l-akkużat allegatament bagħtilha messaġġi li bihom ikkaġuna biża’ fosthom li jisplodiha wara li hi ħadet lit-tarbija.
Apparti minn hekk, ġurnata wara, ir-raġel allegatament dar it-toroq f’Bormla sabiex ifittex lill-mara.