Leone Micallef ta’ 66 sena minn Ħal Tarxien kien immultat €2,500 wara li ammetta li hedded li joqtol lill-avukat tiegħu Dr Kris Busietta.
L-avukat Tonio Azzopardi li deher għall-imputat qal li l-każ seħħ wara li l-akkużat tilef kawża li għalih kien deher il-vittma. Spjega li r-raġel dejjem emmen fil-ġustizzja iżda għamel li għamel fis-saħna tal-mument. Qal li l-imputat qed jammetti u jiskuża ruħu.
L-avukat parte civile Patrick Valentino spjega li l-Qorti għandha tagħti sentenza li twassal messaġġ, għax theddid fuq l-avukati m’għandu qatt ikun permessibbli.
Il-Maġistrat Victor Axiaq qal lill-imputat li seta’ bagħtu 6 xhur ħabs iżda mhux qed jagħmel dan minħabba l-età tiegħu. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur Dr Busietta u l-familja tiegħu għal perjodu ta’ ħames snin. Il-Maġistrat qal li l-imputat għandu jevita milli javviċina lill-vittma. F’każ li ma jagħmilx dan huwa jista’ jeħel €9,000 multa u/jew piena ta’ sentejn ħabs.