Pierre Cassar ta’ 46 sena minn Marsaxlokk inħeles mill-arrest wara li affaċċja akkużi li ħebb għal Pulizija u kontinwament irrifjuta li jimxi mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet.
Fil-Qorti nstema’ kif Cassar ta’ spiss, kien jiġi mwaqqaf mill-Pulizija f’Marsaxlokk biex jilbes jew jirranġa l-maskra skont il-miżuri kontra l-pandemija. Jidher li lbieraħ, uffiċjal tal-Pulizija ġibidlu l-attenzjoni fuq il-maskra, u wara li Cassar daħal f’kamra, huwa allegatament ħareġ b’tazza f’idejh u ħebb għall-uffiċjal, u neża’ l-maskra biex jibżoqlu.
Wara li ġie nnotat li skont filmati tas-sigurtà, ma kienx l-imputat li beda l-ġlieda, huwa nħeles mill-arrest abbażi ta’ xi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €2,000.