Ir-raġel ta’ 32 sena mill-Kosta tal-Ivorju, li kien arrestat ilbieraħ f’dar fil-Ħamrun b’rabta ma’ tixrid ta’ materjal estremista, ġie mressaq il-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo.
Hu kien identifikat bħala Moujamadou Dosso u kien arrestat wara li b’messaġġi fuq il-Messenger beda jħajjar persuni jitilgħu Franza u jisplodu lilhom infushom f’attakk terroristiku.
L-arrest seħħ wara li l-Pulizija wettqet ġimgħat ta’ sorveljanza sakemm kmieni mal-lejl sbieħ il-Ħamis iċċirkondat żewġ proprjetajiet biswit xulxin fi Triq Giovanni Barbara l-Ħamrun li minnhom elevat diversi oġġetti elettroniċi, fosthom servers u informazzjoni marbuta mat-tixrid ta’ materjal estremista.
L-akkużat wieġeb mhux ħati u nżamm arrestat wara li d-difiża ddikjarat li f’dan l-istadju ma kinitx se titlob għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Zachary Zammit u Mohammed Shurrab flimkien mal-Avukati Dejan Darmanin u Mauro Abela.
Għall-akkużat deher l-Avukat Victor Bugeja.