Raġel ta’ 59 sena ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti li allegatament ikkaġuna xi ġrieħi fuq martu.
Kienet il-mara li wara argument bejn il-koppja għamlet rapport fl-għassa u wara marret fil-poliklinika tal-Floriana.
Minn hemmhekk ntbagħtet l-Isptar Mater Dei.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona hekk kif għad trid tixhed il-mara.
Id-Difiża qalet li r-raġel lest li jmur jgħix f’residenza oħra.
Il-Qorti pperseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000, li jiffirma f’għassa kull nhar ta’ Tnejn u Sibt bejn is-7.00am u t-8.00pm u li ma joħroġx mid-dar bejn il-11.00pm u s-6.00am.
Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-mara filwaqt li ordnat lir-raġel biex bl-ebda mod ma jagħmel kuntatt mal-mara.