Missier Żebbuġi ta’ 27 sena ngħata l-libertà proviżorja wara li tressaq il-Qorti mixli li daħal bil-karozza tiegħu apposta f’karozza oħra fejn kien hemm l-eks sieħba tiegħu passiġiera. Il-każ ġara fi Triq San Pawl f’Bormla wara argument li qam bejn ir-raġel u l-eks sieħba bil-konsegwenza li żewġ karozzi sofrew diversi ħsarat.
Fil-Qorti ġie spjegat li dan il-każ idur kollu ma’ kwistjoni bejn missier u omm fuq il-kustodja ta’ wieħed mit-tfal. Qed ikun allegat li l-missier u l-omm kellhom tlett t’itfal bejniethom iżda wieħed minnhom biss huwa reġistrat bil-missier u l-oħrajn huma bil-missier mhux magħruf. Madankollu intqal li l-omm xorta talbet il-manteniment għat-tlett ulied m’għand ir-raġel.
L-akkużat li mhux l-ewwel darba li ġie mixli b’sewqan perikoluż għad-detriment tal-eks sieħba ngħata l-libertà kundizzjonata fuq depożitu ta’ sitt t’elef ewro u garanzija personali ta’ tnax-il elf ewro. Huwa ġie ordnat biex ma jsuqx iżjed sakemm jinqata’ l-każ.