Johann Cassar ta’ 32 sena nżamm arrestat wara li ċaħad akkużi ta’ vjolenza domestika.
Fil-Qorti ntqal li l-Pulizija kellhom informazzjoni li mara ddaħlet l-isptar u kienet qed issofri minn ġrieħi gravi.
Instema’ kif il-mara, li kienet Ġermaniża, kellha argument mas-sieħeb tagħha.
Dan minħabba li l-imputat kien ilu sena ħieles mill-vizzju tad-droga, iżda dan l-aħħar reġa’ beda jieħu d-droga.
Instema’ kif l-argument mat-tfajla tiegħu allegatament inqala’ minħabba li staqsieha għal xi flus għad-droga.
Kien hawn li l-Ġermaniża bdiet tgħajjat fit-triq, u għalhekk, Cassar allegatament attakkaha u b’hekk spiċċat b’sinna miksura u qasma fuq rasha.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda, hekk kif l-imputat diġà kien deher il-Qorti fuq akkużi oħra relatati ma’ droga.
Meta l-Maġistrat Joe Mifsud ma tax libertà proviżorja lill-imputat, dan beda jiddiżrispetta l-Qorti, fejn irringrazzja lill-Maġistrat talli tefgħu l-ħabs u anke qallu li se jweġġa’ lilu nnifsu fil-ħabs.