Godonu Dele ta’ disgħa u għoxrin sena min-Niġerja baqa’ jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-involviment tiegħu f’allegat frodi permezz tal-midja soċjali fuq anzjana. Fil-Qorti ntqal li l-ammont frodat jammonta għal aktar minn wieħed u għoxrin elf ewro misruqa.
Huwa mifhum li l-imputat huwa allegatament marbut mal-individwi li tressqu l-Qorti mixlija li ffrodaw anzjana mat-tmienja u ħamsin elf ewro.
Huwa akkużat ukoll b’ħasil ta’ flus kif ukoll pussess ta’ affarjiet misruqa. Dele ġie arrestat wara investigazzjoni separata fuq numru ta’ persuni Niġerjani marbutin ma’ frodi simili.
Id-difiża mmexxija minn Yanika Bugeja ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-numru ta’ xhieda li għad iridu jixhdu. Hija qalet li t-talba għall-ħelsien mill-arrest se ssir fi stadju aktar avvanzat.
Il-Qorti ordnat l-iffriżar tal-assi tal-imputat.