Jeremiah Joshua Jarrett li għandu ħamsa u tletin sena minn Kalifornja fl-Istati Uniti wieġeb mhux ħati meta ttella’ l-Qorti mixli b’diversi akkużi ta’ fastidju fuq tfajla Maltija.
Fil-Qorti l-ispettur Jonathan Cassar ta rendikont tal-każ li ilu jkarkar snin. Huwa mifhum li Jarrett u l-Maltija ltaqgħu fi stabbiliment tad-divertiment f’Malta u minn hemmhekk Jarrett allegatament baqa’ jikkuntattjaha.
Ġie spjegat li lura fl-elfejn u sbatax, Jarrett ittella’ l-Qorti mixli b’fastidju fejn il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo imponiet ordni ta’ trażżin u ordnat li jiġi ripatrijat fost oħrajn.
Minkejja li hu ntbagħat lura l-Istati Uniti, fil-Qorti ntqal li Jarrett baqa’ jipprova jagħmel kuntatt mat-tfajla tant li bagħtilha madwar 14,000 email.
Il-Prosekuzzjoni flimkien mal-parte civile rappreżentata mill-Avukat Veronique Dalli stqarrew li l-vittma kienet tagħmel rapport kull darba li kien jikkuntattjaha iżda dawn l-istanzi allegatament tant kienu saru frekwenti li l-vittma kienet issibha diffiċli tirrapporta kull istanza.
Ġara li l-akkużat reġa’ ġie lura f’Malta fejn iltaqa’ wiċċ ‘imb wiċċ mat-tfajla u ntqal li pprova jagħtiha ittra u talabha ttih lura xi ċurkett li allegatament kien bagħtilha.
Quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia hu kien mixli li kkaġuna biża’ fil-vittma, li għamel użu ħażin minn apparat elettroniku, li hedded lill-vittma permezz ta’ ittra u li kiser kundizzjonijiet imposti minn ordni tat-trażżin fost oħrajn.
L-imputat li rrifjuta li jkun assistit minn avukat talab għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Maġistrat Ian Farrugia ma laqax din it-talba u impona wkoll ordni ta’ protezzjoni.