Raġel min-Nepal xehed fil-Qorti li ħallas €4,000 biex japplika għall-permess tax-xogħol f’Malta fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ xogħol falz, li allegatament kien iffalsifikat minn eks impjegat tal-aġenzija tal-informatika tal-Gvern, il-MITA.
Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Andre D’Amato mill-Mosta, professjonist fl-ICT, li spiċċa mkeċċi mill-MITA, kompliet dalgħodu fejn ukoll jinsab akkużat bi traffikar ta’ persuni, ħasil ta’ flus, użu ħażin ta’ tagħmir, falsifikazzjoni ta’ dokumenti uffiċjali, frodi u dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet pubbliċi.
Ir-reati allegatament seħħew bejn l-2018 u Mejju ta’ din is-sena.
In-Nepaliż Magar dil Bahadur xehed kif, qabel ivvjaġġa lejn Malta, kien bagħat €4,000 lil ħabib tiegħu min-Nepal stess, iżda residenti Malta, biex jikseb permess tax-xogħol f’Malta.
Jirriżulta, skont il-Prosekuzzjoni, li l-flus għaddew lil D’Amato biex dan japplikalu għall-permess tax-xogħol f’isem il-kumpanija bbażata f’Ħal Qormi.
Direttur tal-istess kumpanija, bl-isem ta’ KSL Limited f’Tal-Ħandaq, Ħal Qormi, qal lill-Qorti li hu qatt ma kien sema’ bin-Nepaliż u li l-kuntratt ippreżentat kien falsifikat, inkluż il-firma tiegħu u letterhead bil-logo, li apparentement tniżżel mis-sit uffiċjali tagħha.
Fl-investigazzjoni ħareġ li l-applikazzjoni saret onlajn bl-e-ID tal-istess D’Amato.