Jason Attard ta’ ħamsa u erbgħin sena li jgħix Santa Venera ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li fis-sigħat bikrin tal-ewwel ta’ Settembru, wettaq diversi reati.
Instema’ li bejn it-tlieta u l-erbgħa ta’ filgħodu tal-ewwel ta’ Settembru, Attard, li jista’ jkun kien taħt l-influwenza ta’ xi sustanza, daħal f’lukanda, fejn beda jistaqsi għal individwu.
Hawn huwa deher aġitat u fi stat panikuż, u allegatament seraq mobile ta’ impjegata u ħareġ jiġri ’l barra, iżda din irnexxielha tieħdu lura.
Intqal kif wara dan, huwa allegatament daħal fil-karozza tiegħu u beda jsuq iżda waqaf f’daqqa, ħareġ mill-karozza, u avviċina l-karozza ta’ warajh.
Kien hawn li allegatament fetaħ il-bieba ta’ din il-karozza u ħareġ tfajla minnha, iżda din irnexxielha taħrab.
Minn hawn, intqal kif reġa’ daħal fil-karozza, u beda jsuq b’mod perikoluż, fejn ftit ’il bogħod instab u ttieħed minn ambulanza.
Huwa nħeles mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma fl-għassa tal-Ħamrun tliet darbiet fil-ġimgħa u jħallas depożitu ta’ ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ elfejn u ħames mitt ewro.