Kienu ħafna dawk li dalgħodu ngħaqdu mas-Soċjetà Maltija għad-Dimensja għal mixja tul Triq ir-Repubblika fil-Belt Valletta.
Mixja li saret biex l-istess Soċjetà tqajjem għarfien li wara kull dimensja, hemm persuna. Id-dimensja hija terminu li jintuża biex jiddeskrivi għadd ta’ disturbi fil-moħħ li jwasslu għal nuqqas fil-funzjoni tiegħu. Normalment, id-dimensja timmanifesta ruħha f’telf tal-memorja, problemi bl-irraġunar u l-komunikazzjoni, u diffikultajiet funzjonali.
Membri tas-soċjetà kienu disponibbli biex jgħinu lil dawk li attendew għall-mixja, fosthom qraba ta’ persuni bid-dimensja. Dan billi fost l-oħrajn jitkelmu magħhom dwar metodi differenti ta’ kif jistgħu jiffaċilitaw l-indipendenza u s-sigurtà ta’ dawn il-persuni vulnerabbli.
Intant, matul il-mixja, li għaliha attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, spikka l-appell biex kulħadd ikun sensibbli u sensittiv ma’ persuni bid-dimensja.
Din il-mixja ssir mad-dinja kollha fil-ġurnata dinjija tal-Alzheimer fil-21 ta’ Settembru, iżda peress li f’Malta din id-data hija wkoll festa pubblika, il-mixja saret illum.