Sebgħa u għoxrin voluntier ħallew Malta l-Ġimgħa filgħodu biex jibdew mixja twila ta’ mija u ħmistax-il kilometru li ddum ħamest ijiem fil-Camino Di Santiago fi Spanja.
L-għan primarju ta’ din il-mixja huwa li jinġabru fondi biex titlesta t-tielet fażi ta’ skola sekondarja fl-Etjopja għal madwar seba’ mitt student.
Dan se jkompli jsaħħaħ l-aċċessibiltà għal studenti Etjopjani li ma kellhomx l-opportunità li jkomplu jistudjaw, u li issa se jkollhom skola oħra disponibbli.
Biswit l-ajruport, ftit sigħat qabel ma l-voluntieri qabdu triqthom lejn Spanja kmieni filgħodu, ONE News tkellem mal-organizzatur Keith Marshall, li ilu iktar minn għoxrin sena jieħu sehem f’dawn il-mixjiet, u spjegalna ftit dwar x’qed tagħmel din l-organizzazzjoni biex tgħin lit-tfal fl-Etjopja.
Qal, “Qed nagħmlu Camino Di Santiago, 115-il kilometru f’ħamest ijiem. L-għan huwa filantropiku. Beħsiebna, qed nipprovaw niġbru kemm jista’ jkun flejjes lejn proġett ġo Bonga ġol-Etjopja, li biha nkunu qed nagħtu ħajja aħjar lil mijiet ta’ tfal.”
B’entużjażmu, Marshall tkellem dwar kemm hu kbir is-sodisfazzjon li jħoss meta jara li kważi tletin persuna qed jissagrifikaw parti minn ħajjithom biex jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja tan-nies fil-bżonn.
Spjega, “Il-fatt li aħna rnexxielna niġbru kważi tletin ruħ minn kull binarju tal-ħajja – ħafna minnhom ma kinux ħbieb qabel – u għamilna sitt xhur nittrenjaw, nikkoordinaw fundraising eventsm u hemm ċertu armonija, anke titkellem man-nies hemm enerġija li hija vera tajba u biha din nistgħu nużawha bħala pjattaforma lejn ġbir ta’ fondi, naħseb il-combination tagħhom, avventura, filantropija, u l-għan fl-aħħar mill-aħħar li aħna naslu biex nibnu dan il-proġett naħseb m’hemmx ħaġa isbaħ.”