Ottubru dejjem iktar roża – favur il-kuxjenza u l-ġlieda kontra l-kanċer tas-sider.
Wara l-ġirja bil-muturi tal-Ħadd, ic-Chairperson ta’ Marigold Foundation Michelle Muscat ħabbret The Esplora Pink October Night Walk, mixja li se ssir nhar il-Ġimgħa għoxrin ta’ Ottubru.
Din il-mixja se tibda Villa Bighi fid-disgħa u nofs ta’ filgħaxija, se tieħu lill-parteċipanti ’l isfel lejn il-bajja tal-Kalkara, mal-Forti Sant’Anġlu għax-xatt tal-Kottonera. Bil-mixja tintemm quddiem l-Università Amerikana f’Bormla.
Mixja li qabel il-bidu tagħha se jkun hemm serata ta’ esperjenza xjentifika organizzat miċ-ċentru Esplora.
Michelle Muscat qalet li din hija parti minn sensiela ta’ avvenimenti tul dan ix-xahar, u kif il-mixja tmur id f’id mal-isfida ta’ Pink October ta’ din is-sena “Tippreferi tpoġġi bilqiegħda fid-dlam, jew tixgħel id-dawl? Affaċċja l-biżgħat tiegħek.”
Sfida għall-pubbliku biex jegħleb il-biża’ tiegħu u jiċċekkja lilu nnifsu.
Għax flimkien mal-persentaġġ għoli ta’ stediniet lil nisa biex jiċċekkjaw lilhom infushom b’xejn, trid tikber il-kuxjenza li niċċekkjaw lilna nfusna.
Intant tħabbret ukoll attività oħra – Doctors in the City. Fil-wieħed u għoxrin ta’ Ottubru kirurgi u infermiera se jkollom klinika miftuħa fi Pjazza Ħelsien fil-Belt Valletta, fejn se jkun hemm check ups u konsultazzjonijiet b’xejn, filwaqt li f’Lascaris se jkun hemm in-National Breast Unit għall-mammograms u ultrasounds.
Il-flus miġbura f’Pink October din is-sena se jmorru għal programm personalizzat għal pazjenti b’kanċer tas-sider.