Kull qalb trid oħra u meta nitkellmu fuq is-santwarji tal-annimali, il-ħidma qatt ma tieqaf u għalhekk dejjem ikunu fil-bżonn ta’ għajnuna u anke fondi.
Kien għalhekk li l-Lions Club Mdina organizza attività b’risq is-santwarju Island Sanctuary, fejn saret mixja bil-klieb.
Għal din l-attività kulħadd kien mistieden biex filwaqt li jimxi mixja mal-kelb tiegħu, jagħti donazzjoni b’risq l-Island Sanctuary.
Tkellimna ma’ Caroline Bezzina, membru fi ħdan il-Lions Club Mdina, li spjegat x’tinvolvi l-ħidma u l-għan wara l-attività.
Il-Viċi Chairperson ta’ Island Sanctuary spjegat l-importanza ta’ attivitajiet bħal dawn u appellat biex wieħed jagħżel li jadotta minflok jixtri annimal.
L-Island Sanctuary huwa santwarju li għandu fi ħdanu madwar sittin kelb li sfaw abbandunati; bil-ħidma tagħhom ma tieqaf qatt hekk kif lejl u nhar bosta voluntiera u ħaddiema fi ħdan is-santwarju jaħdmu qatigħ biex isalvaw klieb minn ħalq il-mewt.