Fix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar is-saħħa Mentali, l-entità HILA, li toffri servizzi varji għall-persuni b’diżabilità, organizzat mixja minn ħdejn il-Funtana tat-Tritoni għal Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta.
F’din l-attività ħadu sehem bosta persuni b’diżabilita minn djar differenti ta’ Care Malta. Permezz ta’ kartelluni li ġarrew fi jdejhom għaddew messaġġi maħsubin biex tkompli tiġi missielta l-istigma kontra s-saħħa mentali f’pajjiżna.
Il-HILA Homes jieħdu ħsieb kemm persuni b’diżabilità kif ukoll individwi li għandhom kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
Wieħed mis-servizzi li joffru, li beda sena ilu, huwa li jieħdu ħsieb nies li qattgħu snin twal jirievu l-kura fl-Isptar Monte Karmeli u li llum il-ġurnata qed jgħixu fil-komunità.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HILA Homes, Janet Silvio, spjegat kif il-messaġġ ewlieni tagħhom illum huwa intiż biex juru lill-poplu li kulħadd huwa uman u li huma mhumiex differenti minn ħaddieħor.
Saħqet li, bis-servizzi li qed joffru, ir-residenti tad-djar tagħhom kellhom progress kbir f’ħajjithom.
Qalet, “Il-bidla kienet kbira. L-ewwel nett, anke għalina bħala tim kienet xi ħaġa ġdida u, fir-realtà, tagħllimna flimkien. Tħallimna aħna mingħandhom u tgħallmu huma wkoll. Is-sabiħa hija li, inti, meta tibda ssir taf il-persuna u l-istorja tagħha, ma tarax il-persuna bħala numru biss iżda tkun taf xi jkollhom bżonn, minn xiex għaddew, u kif tista’ tgħinhom aktar. Ir-realtà hija li, għalkemm aħna narawhom aktar kuntenti, anke huma tawna ħafna wkoll.”
Tkellemna wkoll ma’ Natalie Briffa Farrugia, iċ-Chairperson ta’ Vassallo Group, li għamlet aċċenn għall-importanza li jitwassal il-messaġġ tal-umanità.
Spjegat, “Illum qed norganizzaw din il-mixja u l-iskop tagħna bħala grupp huwa li nkomplu nwasslu l-messaġġ li, fl-istadji kollha tal-bniedem, aħna għandna interess li nħaddnu l-umanità, jekk hux fis-sens ta’ bniedem vulnerabbli, jekk hux fis-sens tal-bniedem li għaddej minn żmien diffiċli, bħalma jista’ jkun fażijiet differenti fl-istat mentali tiegħu.”
Il-HILA jmexxi tlett idjar, li huma Casa Nuovo f’Raħal Ġdid, Casa Apap Bologna fil-Mosta, u dar apposta għal nies bl-ALS.