- NITKELLMU MA’ STUDENTA BL-ASPIRAZZJONI TA’ KARRIERA F’LABORATORJU
Ftit tal-jiem ilu l-Kumpanija BioDNA Laboratory services ħabbret li qed jistennew li salaħħar tas-sena jiġu akkredidati fuq livell internazzjonali għal testijiet tossikoloġiċi. Dr Marisa Cassar, id-Direttur ta’ BioDNA, spjegat li l-Gvern qed ikompli jinvesti fix-xjenza. Fil-fatt BioDNA llum qed tkompli timraħ u se tiġi akkreditata biex toffri servizzi oħra sa l-aħħar ta’ din is-sena.
“Dan iwassal biex aktar kumpaniji barranin jagħżlu dan il-laboratorju għal aktar kollaborazzjonijiet,” tenniet Dr Cassar. Laboratorji bħal dan jagħmlu xogħol siewi ħafna fil-qasam forensiku fejn joffru servizzi lill-Qrati Maltin bħal fid-determinazzjoni tad-DNA għal skopijiet forensiċi, testijiet fuq id-droga maqbuda mill-pulizija biex tiġi determinata l-kompożizzjoni u l-purità tagħha.
F’intervista, Jasmine Spiteri, studenta Universitarja li għadha kif temmet il-kors Bsc Biology & Chemistry u għadha kif bdiet taħdem fl-istess kumpanija, tgħid li minn dejjem xtaqet taħdem f ’laboratorju, speċjalment wieħed forensiku. Dan għaliex jogħġobha xogħol li jinvolvi esperimenti u li fl-istess ħin huwa bażi importanti tas-soċjetà u li jista’ jkun ta’ għajnuna kbira biex persuna tikseb ġustizzja. Hija stqarret li ma tħossx li l-Università toffri korsijiet speċifiċi għal dawk l-istudenti li jkunu interessati jidħlu fis-settur forensiku. Jista’ jagħti l-każ li hemm korsijiet relatati li joffru xi tip ta’ sfond tas-suġġett però mhux li jittrattaw dan is-suġġett biss. Ġeneralment min ikun jixtieq ikompli fuq din il-linja jkollu jagħmel Masters barra minn Malta.
Għaldaqstant, għalkemm il-korsijiet tal-bijoloġija u l-kimika, pereżempju, jispjegawlek it-teorija wara ħafna suġġetti differenti fil-qasam tax-xjenza, dan il-kors mhuwiex biżżejjed biex l-istudent ikun jista’ japplika dak li jkun tgħallem b’mod prattiku, speċjalment fid-dinja tax-xog- ħol. Ikun ħafna aħjar kieku l-istudenti jiġu offruti iktar placements jew internships matul il-kors apparti l-prattiċi normali. Ħafna mid-drabi jrid ikun l-istudent li jaqdef biex isib xogħol u jrid ikun imħarreġ sew mill-kumpanija li jissieħeb magħha biex ikun jist’a jsarraf dak li tgħallem.
Kuntatti preċendenti, bħal tutors tatteżi li jkollhom xogħol ieħor barra l-Università, jgħinu ħafna imma m’hemm l-ebda entità li tgħin biex l-istudent ikun ippreparat għax-xogħol. Spiteri tgħid li bla dubju l-fatt li l-Kumpanija BioDNA tagħmel anke testijiet għall-kumpaniji barranin jirrifletti l-livell għoli tax-xogħol imwettaq u tal-potenzjal kbir li din il-kumpanija għandha biex tkompli tikber. Jekk il-persuna tkun imħarrġa sew f ’din l-industrija, l-esperjenza li wieħed jikseb f ’postijiet tax-xogħol hawn Malta tippermetti li wieħed ikun jista’ jaħdem barra minn xtutna.
Prof. Emmanuel Sinagra Kap tad-Dipartiment tal-Kimika u Deputat Dekan saħaq li l-akkreditazzjoni internazzjonali hija pass importanti u għalhekk il-laboratorju tal-Università fl-analiżi tad-droga qed jaħdem għal din l-akkreditazzjoni. B’hekk ikollna wkoll ċertifikat estern li jgħid li aħna nkunu qed insegwu prattiċi tajba u kontinwità. Dan ma jfissirx li mingħajr l-akkreditazzjoni wieħed ma jkunx qed isegwi dawn il-prattiċi. Jista’ jkun ilkaż li laboratorju akkreditat ma jsegwix il-prattiċi tajba bejn spezzjoni u oħra. Sfortunatament huma ftit il-kumpaniji li qed jinvestu f ’dan is-settur.
Fl-opinjoni tiegħu “fir-rigward tal-analiżi, gradwati fix-xjenzi fejn l-analitika tispikka għandhom ikunu kapaċi li jaħdmu. Jien m’inix wieħed li nemmen li għandu jkollna speċjalizzazzjoni stretta fil-livell tal-baċellerat. Jiġifieri ma naħsibx li għandu jkun hemm baċellerat fil-forensika. Naħseb li hemm lok imma fejn ikun hemm xi kors multidixxiplinarju fil-livel avvannzat fejn xjenzati jitgħallmu naqra liġi u nies minn oqsma oħra bħal gradwati tal-liġi jitgħallmu kif jistgħu jinterpretaw xi riżultati xjentifiċi. Hemm ukoll lok li jkunu mgħallma prattiċi analitiċi moderni u li jintużaw barra minn Malta.” Bħalissa min irid isegwi xi programm ta’ studju barra minn Malta jew b’mod elettroniku f ’livell avvanzat, jista’ jagħmel dan billi jieħu jew borża ta’ studju mill-Gvern jew ikun megħjun bi krediti ta’ taxxa. Dan jgħodd għal studji forensiċi wkoll. Bħalissa qed naraw li żdiedu n-nies li jitgħallmu x-xjenzi imma minkejja dan, hemm nuqqas ta’ ħaddiema fil-qasam tal-analitika. Minkejja li d-Dipartiment tal-Kimika, li huwa l-Kap tiegħu, ipproduċa u għadu jipproduċi bosta gradwati li jistgħu jaħdmu fl-analitika, xorta waħda hemm nuqqas u bħal kull qasam ieħor, kumpaniji jimpjegaw ħaddiema barranin.
Dan huwa mertu ta’ tkabbir ekonomiku fil-pajjiż. Madanakollu ma jfissirx li fis-settur tal-forensika m’hawnx biżżejjed nies. Skond il-Professur Sinagra l-fatt li f ’Malta qed nattiraw testijiet minn kumpaniji barranin jista’ jgħin biex jagħmel dan il-qasam aktar sostenibbli.Il-Gvern investa fil-laboratorji forensiċi tal-Pulizija u fil-Malta Laboratories Network. L-isfidi li dan is-settur qed jaffaċċja jiddependu minn xi jkun hemm bżonn min-naħa tal-presekuzzjoni u tal-ġustizzja. Bħalissa l-identifikazzjoni ta’ drogi sintetiċi ġodda qed issir aktar u aktar importanti. “Hawnhekk l-irwol tad-Dipartimenti tiegħi bħala l-id xjentifika tal-focal point tal- European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction (EMCDDA) hija importanti. Hemm sfidi teknoloġiċi wkoll. Naħseb li tkun diffiċli biex ikollna kull teknoloġija hawn Malta,” qal Sinagra