Bi ftehim mal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita l-Ministeru għall-Edukazzjoni se joffri teknoloġija avvanzata ta’ internet b’saħħtu lil mija u għoxrin skola tal-Gvern, b’investiment ta’ ftit aktar minn ħames miljun ewro.
“Dan huwa pass importanti biex insaħħu t-tagħlim interattiv li jagħtu l-għalliema lit-tfal tagħna”, saħaq il-Ministru Evarist Bartolo f’konferenza tal-aħbarijiet.
Spjega kif il-konnettività hija importanti kuljum u mhux inqas fil-qasam edukattiv.
“Irridu nippreparaw lit-tfal għad-dinja t’għada li diġà laħqitna llum”, saħaq il-Ministru responsabbli wkoll mis-settur tax-xogħol.
L-iskejjel involuti huma f’livell ta’ kindergarten, primarja, sekondarja u post sekondarja.
L-investiment huwa fuq medda ta’ ħames snin u l-iskejjel mistennija jibdew jaraw titjib fit-teknoloġija tal-internet fi żmien mhux imbiegħed.
“Wieħed jantiċipa illi mis-sena d-dieħla, għal ħabta ta’ Jannar l-iskejjel se jibdew iħossu dan it-titjib, se ikun hemm titjib fl-infrastruttura biex tkun iktar fast, iktar reliable, iktar aċċessibli sabiex l-għodod li aħna qed nuża fl-iskejjel biex insaħħu t-tagħlim li qed isir fl-iskejjel tagħna jkompli jitjieb kif sar fis-snin preċedenti imma rridu nħarsu ‘l quddiem biex l-eseġenzi tal-lum u t’għada jkunu indirizzati.”
Din it-teknoloġija aktar ta’ min jorbot fuqha tal-internet mistennija taħdem id f’id m’għodda oħra li għandhom it-tfal fl-iskejjel fosthom dawk tal-primarja mir-raba’ sena ‘l fuq fejn permezz tat-tablet ikomplu jiżviluppaw ħiliet tant importanti għal ġejjieni.