F’għeluq il-mitt sena mit-twelid ta’ Charles Clews, ġiei ppubblkat volum ġdid b’ċajt, poeżiji, stejjer qosra u kitbiet umoristiċi li l-komiku leġġendarju ma rnexxilux jippubblika qabel miet 10 snin ilu. Ejjew Nidħku Ftit Ieħor ma’ Charles Clews jinkludi wkoll l-istorja ta’ Stage Commandoes miktuba minn Laurie Bellizzi, profili personali ta’ Clews miktuba minn Joe Julian Farrugia u Trevor Zahra kif ukoll l-iscript sħiħ ta’ Zahra u Toni Sant marbut ma’ crossword kbira li ġiet disinjata minn Enriquè Tabone.
Charles Clews kien wieħed mill-kittieba umoristiċi u atturi tas-seklu 20. Twieled l-Isla fl-1919 u għex Bormla mill-1944 ‘il quddiem. Fit-Tieni Gwerra Dinjija ħadem fit-tarzna u fforma kumpannija teatrali magħrufa bħala Stage Commandoes. Dil-kumpannija kisbiet popolarita kbira fis-snin 40 u 50 tant li welldet programm Radju Muskettieri, ikkonsidrat bħala l-aqwa programm fuq ir-radju f’dik l-era.
Toni Sant ippreżenta kopja tal-ktieb lil ulied Charles Clews, Kevin, Jane, Alan u Miriam qabel l-ewwel rappreżentazzjoni ta’ serata mużikali fi Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
Il-ktieb (Pubblikazzjoni SKS) qed jinbigħ bil-prezz ta’ €15 mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.