L-ewwel mitt jum. Mitt jum ta’ tmexxija.
F’baħar kalm, kull kaptan kapaċi jbaħħar il-bastiment, iżda dak li ffaċċja Robert Abela fl-ewwel mitt jum tiegħu fit-tmun tal-Partit Laburista, u tal-pajjiż, kien il-kuntrarju ta’ dan.
Sa mill-ewwel diskors tiegħu bħala Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela wera li ried jgħaqqad: “Partit wieħed, pajjiż wieħed, poplu wieħed. Aħna lkoll ulied familja waħda.”
It-Tnejn 13 ta’ Jannar. Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta: “Jiena Robert Abela solennament naħlef li naqdi fedelment u skont il-kuxjenza, id-dmirijiet tiegħi bħala Prim Ministru skont il-kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta mingħajr biża’ jew favur, hekk Alla jgħini.”
Jumejn wara, Robert Abela ħabbar il-membri tal-kabinett il-ġdid, b’ħames uċuh ġodda li tul il-leġislatura servew bħala deputati.
Huwa kien qal: “Dan hu kabinett b’demm ġdid, b’enerġija ġdida, bil-ħatra tal-element żagħżugħ kollu fil-grupp parlamentari.”
Robert Abela mill-ewwel midd idu għall-ħidma. Lanqas kien ilu ġimgħa Prim Ministru, u ħabbar li beda proċess biex jinħatar kummissarju tal-Pulizija b’metodu ġdid u trasparenti: “Proposta dwar il-metodu ġdid tal-għażla li hu xieraq għaż-żminijiet tal-lum.”
Fl-ewwel jiem tiegħu bħala Mexxej Laburista, il-Prim Ministru żar bosta lokalitajiet f’Malta, Għawdex u Kemmuna.
Għall-ewwel darba bħala Prim Ministru ta’ Malta, Robert flimkien ma’ martu Lydia, ġera mis-Saqqajja sal-Belt fil-ħdax-il edizzjoni tal-Fun Run tal-President.
Fit-28 ta’ Jannar, Robert Abela kellu l-ewwel impenn barra minn xtutna bħala Prim Ministru fi Brussell.
F’nofs Frar, Robert Abela indirizza l-ewwel konferenza ġenerali tal-Partit Laburista bħala mexxej u Prim Ministru.
Il-Prim Ministru kien sostna: “Flimkien inkomplu mmexxu lil Malta u lil Għawdex ’il quddiem, flimkien lejn aktar suċċessi.”
Robert Abela ħa sehem f’laqgħa straordinarja tal-Kunsill Ewropew. 28 siegħa ta’ diskussjonijiet intensivi dwar il-qafas finanzjarju għall-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin: “Għamilt ħbiberiji ġodda mill-ewwel u tara wkoll ir-rispett li hemm lejn pajjiżna.”
Robert Abela – deskritt minn ħafna bħala Prim Ministru tan-nies u man-nies. F’bosta ċirkostanzi wera dan, fosthom meta sema’ l-karba tal-bdiewa fil-Magħtab, iltaqa’ magħhom u stedinhom għal laqgħa f’Kastilja.
It-2 ta’ Marzu. Jum iswed għall-pajjiż kollu, meta ġġarrfet dar fil-Ħamrun fi traġedja li fiha nħasdet il-ħajja ta’ mara, ta’ omm.
Il-Prim Ministru kien stqarr: “Dak li ġara lbieraħ deskritt lili mir-raġel tal-vittma nnifisha, ma nistgħu qatt nagħlqu għajnejna għalih.”
Minnufih, il-Prim Ministru ħabbar li ħatar kumitat tekniku biex jagħmel rakkomondazzjonijiet b’mod urġenti dwar ir-regolamentazzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni.
Huwa kien ħabbar: “Min wassal għal dan l-inċident, irid jaffaċċja l-ġustizzja. Hu min hu.”
L-istorja tal-ewwel mitt jum ta’ tmexxija ta’ Robert Abela qed tkun deskritta minn bosta bħala magħmudija tan-nar għax ħabbat wiċċu mill-ewwel ma’ sitwazzjonijiet mill-aktar diffiċli – fosthom il-pandemija tal-Coronavirus.
Fil-ġimgħat qabel faqqa’ l-ewwel każ f’pajjiżna, il-Gvern taħt it-tmexxja ta’ Robert Abela, ħejja ruħu b’mod strutturat biex ikun imħejji għal kull sitwazzjoni li tista’ tinqala’.
Il-Prim Ministru: “Is-saħħa tal-poplu l-ewwel.”
Dan kien il-prinċipju li saħaq fuqu sa mill-ewwel każ ta’ Coronavirus f’Malta, u minn dakinhar sal-lum, ma ħarisx lura.
Beda jħabbar il-miżuri, paripassu mal-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa. L-aktar waħda diffiċli għalih, kienet dik tal-għeluq tal-iskejjel: “B’effett minn għada, ser jingħalqu l-istituzzjonijiet edukattivi kollha.”
Ħabbar ukoll numru ta’ miżuri mmirati biex itaffu l-effetti negattivi tal-Coronavirus fuq in-negozji u l-impjiegi f’pajjiżna: “Miżuri li huma costed, waħda wara waħda, xahar b’xahar.”
F’Jum il-Ħelsien, fejn spikka l-mument meta l-Mexxej Laburista tela’ fuq l-għolja tal-ħelsien jixgħel it-torċa waħdu, Robert Abela kellu messaġġ ta’ tama fi żmien meta qed nissieltu għall-ħelsien.
U fost l-isfidi li ħoloq il-Coronavirus, intlaħaq qbil bla preċedent bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef: “Illum bgħatna sinjal b’saħħtu ħafna, sinjal tista’ tgħid bla preċedent.” 05
U hekk kif ir-riżorsi kollha f’pajjiżna huma ffukati biex jiġġieldu l-pandemija tal-Coronavirus, Robert Abela ħa deċiżjoni b’rabta mal-immigrazzjoni fl-aħjar interess tal-poplu.
Il-Prim Ministru stqarr: “Mal-Unjoni Ewropea nibqgħu nagħmlu l-abbokamenti biex jgħinuna, jekk jibqgħu ma jgħinuniex ikollna niddefendu l-pożizzjoni tagħna u x-xtut tagħna.”
Il-Kelliem tal-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi għamel denunzja lill-Pulizija biex il-Prim Ministru Robert Abela, il-Brigadier Jeffrey Curmi u l-Armata jiġu investigati bi qtil volontarju ta’ immigranti.
Il-Prim Ministru saħaq: “Lil min irid jibgħatna l-ħabs inweġbuh li se nibqgħu naħdmu sabiex inħarsu s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, inkluż is-saħħa ta’ min għamel dan ir-rapport kontrina.”
Mitt jum ta’ sfidi u deċiżjonijiet diffiċli. Ma’ kull jum li għadda, ma’ kull deċiżjoni li ttieħdet, Robert Abela kiseb il-fiduċja u l-ammirazzjoni ta’ bosta, kif anke wrew bosta sondaġġi.
Mitt jum li jawguraw tajjeb għall-futur tad-9 mexxej tal-Partit Laburista u l-14-il Prim Ministru ta’ Malta