Mitt jum mill-ewwel mandat ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Robert Abela huwa l-Mexxej li kiseb l-akbar rebħa għall-Partit Laburista fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Il-Partit Laburista kiseb dan il-mandat b’saħħtu fuq il-manifest Malta Flimkien, b’elf proposta li issa se jissarrfu f’elf kisba.
Fl-ewwel mitt jum ta’ Robert Abela mill-ġdid Prim Ministru ta’ Malta, il-Partit Laburista wkoll kompla jembarka b’ħidma politika fil-pajjiż.
Ftit jiem wara l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista għal sena oħra fakkar il-kisba tal-Ħelsien.
Dakinhar, il-Prim Ministru qal li l-fiduċja li ngħata hu u l-Partit Laburista se tissarraf f’aktar ħidma u aċċenna fuq l-umiltà.
“Ejja nisfidaw il-ħsibijiet ta’ xulxin, ejja nkunu aħna l-ewwel li naraw kif u fejn nistgħu nagħmlu aħjar. Hemm l-umiltà. U tkellimt magħkom diġà dwar kif fuq din l-umiltà rrid nibnu din il-leġiżlatura. Għax ikbar mhi l-fiduċja iktar irridu nkunu saqajna mal-art.”
Lejn l-aħħar t’April saret il-Konferenza Ġenerali li ssir skont l-istatut tal-Partit Laburista wara kull elezzjoni ġenerali. Hemmhekk it-tmexxija ngħatat vot qawwi ta’ konferma, b’Robert Abela jikseb 97% tal-voti tad-delegati tal-Partit Laburista.
Il-Mexxej Laburista mbagħad indirizza l-mass meeting tal-ewwel ta’ Mejju, l-ewwel wieħed tiegħu bħala Mexxej.
“Illum ninsab determinat iktar minn qatt qabel li nibqgħu forza b’saħħitha favur ix-xogħol. Favur il-ħolqien tiegħu u fuq kollox favur minn jaħdmu: favur il-ħaddiem. Li nistgħu ngħidu bi kburija hu li, minkejja li fl-aħħar tliet snin ma ċċelebrajniex Jum il-Ħaddiem fil-pjazez, lill-ħaddiem iċċelebrajnieh ma’ kull jum li għadda. Iċċelebrajnieh bid-deċiżjonijiet li ħadna biex inħarsulu l-impjieg, biex ma nitfgħux fuqu piżijiet ġodda.”
Tul l-ewwel mitt jum tiegħu mill-ġdid bħala Prim Ministru ta’ Malta, Dr Abela anki kellu laqgħat mad-delegati u l-attivisti tal-Partit Laburista, li kompla jkun il-forza progressiva u li tipproponi u ġġib il-bidliet fil-pajjiż.
Partit Laburista bi Grupp Parlamentari u tim magħqud mal-Mexxej tiegħu li qed jimplimenta l-viżjoni ‘Malta Flimkien’.