Mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid.
Mitt jum ta’ aktar riformi soċjali f’pajjiżna.
F’mumenti ta’ sfidi ġodda fejn il-gwerra fl-Ukrajna qed tħalli l-impatti tagħha mhux biss fuq pajjiżi ġirien iżda anki dawn imbegħdin, fi ħsieb id-deċiżjonijiet li l-Prim Ministru jieħu ta’ kuljum, dejjem hemm dawn l-isfidi.
Hekk għamel biex żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u anki dawk tal-fjuwil.
Fil-fatt għall-prezz tal-fjuwil, il-konsumatur Malti u Għawdxi f’pajjiżna qed jiffranka mal-wieħed u għoxrin ewro fil-ġimgħa.
Il-Prim Ministru saħaq li ma nistgħux, iżda, nistrieħu ngħidu li għamilna biżżejjed għaliex pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni.
Qal, “U hawn niġi għal dak li qed iħasseb lilna kontinwament u m’hemmx dubju lin-nies ukoll. L-inflazzjoni, jew aħjar l-għoli tal-ħajja. Iva, l-ebda pajjiż ma hu speċjali u ma jintlaqatx mill-effetti li qed iġġib il-gwerra iżda daqstant ieħor irridu nkunu kapaċi li nintervjenu kemm nistgħu. U għalhekk fid-deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum inżommu f’moħħna l-impatti u dak li lil Malta jolqotha għaliex hi parti mid-dinja. Il-fatt li għandna l-inqas inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea għalija u għal Gvern mhux biżżejjed biex nieqfu naħsbu u naġixxu dwar din l-isfida. Fuq kollox għandna l-inqas inflazzjoni għaliex aġixxejna f’setturi importanti.”
F’mitt jum ta’ Gvern ġdid komplew il-miżuri soċjali tal-Budget li qed igawdu minnhom in-nies, fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet, fiċ-children’s allowance u t-twessigħ tal-in work benefit.
Dan apparti l-investiment ta’ sebgħin miljun ewro fin-nies permezz tat-tisħiħ taċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa u ċekk addizzjonali li saħansitra jitla’ għal mitejn ewro għal dawk l-aktar vulnerabbli biex jgħin fl-istimulu ekonomiku.
Fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid ġiet estiża wkoll l-iskema ‘Sensability’, li permezz tagħha familji ta’ tfal b’kundizzjonijiet sensorjali se jgawdu minn għotja ta’ sitt elef ewro biex ikollhom kamra sensjorali f’darhom.
Fuq kollox matul dawn l-ewwel mitt jum kompliet tiżdied in-nefqa soċjali iżda naqas in-numru ta’ persuni dipendenti fuq l-għajnuna soċjali.
Fil-fatt f’Ġunju li għadda, in-numru ta’ persuni dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali niżel taħt is-sitt elef.
Dan ifisser 57.2 fil-mija tnaqqis fuq għeluq is-sena 2013.
Mitt jum ta’ aktar deċiżjonijiet favur in-nies.
Mitt jum li fihom il-Prim Ministru Robert Abela kompla jaċċenna li l-Gvern għandu jintervjeni u jgħin bħal ma għamel waqt pandemija, biex il-piżijiet ma jerfagħhomx iċ-ċittadin.