Infetħu diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jinstab bilanċ bejn l-investiment u proġetti fil-Belt Valletta. Ic-chairman tal-fondazzjoni V18 qal li l-Belt m’għandhiex tkun sit ta’ krejnijiet, u applikazzjonijiet għal proġetti kbar għandhom ikunu limitati bejn l-2017 u l-2018.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Jason Micallef qal li kienu introdotti l-ewwel ‘intercative visial boards’ fil-Belt Valletta, li l-pubbliku jista’ juża għal sors ta’ informazzjoni u aħbarijiet lokali u internazzjonali.
Qal li hemm bżonn li tiġi indirizzata l-problema ta’ bankini u sinjali ħżiena fil-Belt Valletta, flimkien ma problemi bħall-ġbir tal-iskart domestiku u abbuż mill-użu ta’ skips. Sostna li l-fondazzjoni trid tagħmel aktar biex l-istandards fil-Belt Valletta jkunu kumplimentari mal-proġetti tal-2018 u mal-istandards bażiċi ma bliet kapitali oħra tal-kumplament tal-Ewropa. Ħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Gvern jieħdu azzjoni immedjata filwaqt li nsista li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha responsabilità wkoll. Għaraf li l-Kunsill Lokali għandu pressjoni kbira minħabba l-ħtiġijiet kummerċjali tal-Belt.
Temm jgħid li V18 għandhom programm ambizzjuż li jirrikjedi appoġġ finanzjarju mill-Gvern u koperazzjoni interministerjali.