Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur qal li, fid-dawl taż-żidiet fit-tariffi mħabbra fl-aħħar sigħat mit-tliet kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna għall-klijenti li ma jħallsux il-kont permezz ta’ debitu dirett, il-Ministru Julia Farrugia Portelli talbet lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur biex jinvestiga jekk din iż-żieda tiksirx il-liġi tal-kompetizzjoni.
Intant, dalgħodu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba qal li dawn it-tgħariffi għandhom jitneħħew minn fuq il-konsumatur, filwaqt li spjega li d-direttiva Ewropea PSD2 ma tobbligax kumpaniji biex iżidu l-prezzijiet, iżda minflok titkellem dwar inċentiv li kumpanija tista’ tagħti lill-klijenti biex iħallsu permezz ta’ debitu dirett.
F’reazzjoni fuq Facebook, il-Membru Parlamentari Ewropew, qal li dawn l-iskontijiet, li qed jipproponu l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna, mhumiex inċentivi, imma ħlas żejjed li qed jimponu fuq kulħadd, bil-klijenti jingħataw lura l-flus żejda li jkunu ħallsu, u dan isir biss meta jħallsu l-kont permezz ta’ debitu dirett