“URĠENTI: Jekk xi persuna taf il-vittma tal-filmat li qed idur onlajn mingħajr kunsens, jew taf kif nistgħu nikkuntattjawha nitolbuha tinfurmana.”
Dan huwa l-appell li qed tagħmel il-Women’s Rights Foundation wara li fil-filmat li qed jiddomina l-midja soċjali jidhru żewġ persuni f’Malta jagħmlu atti indiċendi f’vettura.
B’persuna minnhom tkun propju tfajla li kienet libsa l-flok tax-xogħol. Il-Fondazzjoni għad-drittijiet tan-nisa qed toffri assistenza legali lil din it-tfajla u anke ġuvni, jekk ebda persuna minnhom ma tat il-kunsens li joħroġ dan il-filmat.
Kienet Dr Andrea Dibben, ic-Chairperson tal-istess fondazzjoni li poġġiet dan l-appell fuq il-paġna ta’ facebook u talbet lil dawk li jaqraw il-messaġġ biex ixerrdu l-kelma. Dawk li għandhom din l-informazzjoni qed jintalbu li jibgħatu messaġġ fuq il-paġna ta’ facebook tal-fondazzjoni jew iċemplu fuq 79798615.
Dan il-filmat bħalissa qed jiċċirkola fuq il-midja soċjali u qed jintbagħat bejn il-ħbieb b’messaġġ privat, biex jgħaddu siegħa żmien, li huwa tixrid ta’ materjal illegali.
Jekk dan il-filmat hux ‘revenge porn’ għadu mhux magħruf. Il-fondazzjoni għandha l-għan li tinforma l-persuni konċernati dwar id-drittijiet li għandhom bil-liġi.