Għalina l-Maltin l-ewwel tas-sena mhijiex biss festa ta’ ċelebrazzjoni għas-sena l-ġdida iżda wkoll festa ta’ solidarjetà ma’ min huwa inqas ixxurtjat minna.
Ta’ kull sena mijiet ta’ eluf ta’ ewro jinġabru waqt il-maratona għad-Dar tal-Providenza bl-isem Festa ta’ Ġenerożita.
One News attenda għal din il-maratona fejn spikkat l-atmosfera ta’ mħabba u għaqda.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef spjega li ta’ kull sena d-dar tiġi bżonn mal-erba’ miljuni u ħames mitt elf ewro biex tkopri l-ispejjeż tas-servizzi li toffri.
“Għandna bżonn iktar minn mitt ewro kuljum għal kull persuna jiġifieri huwa ammont sostanzjali imma dik id-donazzjoni tiegħek kbira jew żgħira tgħin biex inkomplu noffru dan is-servizz.”
Huwa rringrazzja lin-numru kbir ta’ ħaddiema u voluntiera għax-xogħol imprezzabbli tagħhom.
“Il-preparamenti jibdew minn qabel. Minn xhur qabel imma bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera, tal-ħaddiema tagħna u ta’ nies li jissaportjawna f’din l-attivitá aħna kien possibbli li ntellgħu din l-attivitá. Illum hawn attivitá kbira kif tista’ tara u għalhekk nirringrazzja lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw l-appoġġ tagħhom jew qed jgħinu biex f’din l-attivitá.”
Fost dawk li wieġbu għal din is-sejħa, kien hemm il-Partit Laburista li ta’ donazzjoni b’risq dawn il-persuni li sabu l-għajnuna meħtieġa grazzi għal din id-dar li ġiet imwaqfa minn Monsinjur Mikiel Azzopardi u li tat lilhom u lil familja tagħhom tama ġdida.