Raġel Għawdxi kien mitlub jirritorna lura trakk tal-Bedford Perkins, u kien akkużat li ma mexxiex b’mod korrett meta ħa t-trakk li kien jaf li kien għadu reġistrat fuq persuna oħra.
Fil-Qorti l-akkużat Carmel Xuereb qal li kien ittowja dan it-trakk lura fl-elfejn u tmienja meta s-sidien ta’ garaxx riedu jneħħuħ mill-propjeta tagħhom, u argumenta li l-kundizzjoni tat-trakk kienet ferm ħażina, b’bieba waħda nieqsa u parti mill-kabina mkissra.
Iżda, ir-raġel għażel li jirrestawra t-trakk u nefaq mat-tmien t’elef ewro biex iġibu f’kundizzjoni tajba u wara ddeċieda li jbiegħu.
Kien fis-sena elfejn u ħdax li rriklama t-trakk fuq ebay, għal prezz ta’ disgħa t’elef sterlina, bil-mara Agnese Grech tinduna li kien tas-sieħeb tagħħa li llum huwa mejjet.
Il-Magistrat Joanne Vella Cuschieri osservat li r-raġel kellu d-dover li jkun jaf li t-trakk kien irreġistrat fuq ħaddieħor, tant li anke fuq ebay kien hemm miktub li ma setax isir it-transfer tal-vettura minħabba li s-sid tiegħu huwa mejjet.
Kien dan li wassal lill-Qorti biex tiddeċiedi li Xuereb ma kellux pussess legali tat-trakk u għalhekk ikkundant lil- Xuereb jirritorna lura t-trakk lill-familja tal-persuna lliċenzjata.