Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-każ Egrant ma ħarġux hu. F’konferenza tal-aħbarijiet fejn għamel allegazzjonijiet ġodda l-Kap tal-Oppożizzjoni kien mitlub jagħti l-provi fuq il-gidba tal-Ħamis li għadda dak li l-kumpanija Egrant hija ta’ Michelle Muscat. “Il-każ tal-Egrant mhux jiena ħriġtu. Jien noħroġ provi jekk każ noħorġu jien,” qal Simon Busuttil li kien għadu kif għamel diversi allegazzjonijiet fuq ic-chief of staff tal-Prim Ministru.
Simon Busuttil allega li kien hemm tixħim bħala parti mill-iskema ta’ ċittadinanza b’investiment għax skont hu Brian Tonna ta’ Nexia BT kien għamel xi pagamenti lil Keith Schembri. Jirriżulta, kif ammetta Simon Busuttil innifsu, li bejn it-tnejn kien hemm ‘loan agreement’ u meta mistoqsi biex jgħid meta kien iffirmat dan il-ftehim, Simon Busuttil, ma riedx jagħti dettalji. Però qal li se jagħti dawn id-dettalji lill-Maġistrat li qed jinvestiga l-allegazzjonijiet fuq il-Prim Ministru. Investigazzjoni, fuq it-talba li saret mill-Prim Ministru nnifsu.
Fuq artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia b’allegazzjonijiet simili, Keith Schembri diġa’ ħabbar li se jiftaħ kawża ta’ libell dalgħodu.