Żagħżugħ ta’ 26 sena li jinsab mixli li spara fuq bieb t’anzjana f’Raħal Ġdid, żdieditlu kundizzjoni oħra mal-libertà proviżorja li ngħatatlu mill-Qorti.
Melvin Debono li wieġeb li ma jaħdimx kien tressaq il-Qorti ftit qabel il-Milied u ngħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €4,000.
Madankollu wara li sar appell mill-Avukat Ġenerali, il-Qorti imponiet depożitu ta’ €1,000 biex Debono ma jmurx il-ħabs u jgawdi l-libertà proviżorja.
Fil-Qorti l-anzjana kienet xehdet li wara nofsinhar, fil-jum tad-19 ta’ Novembru li għadda hija semgħet bħal ħoss ta’ terremot.
L-għada, infermiera li tmur tieħu ħsieb lill-anzjana rat toqba fil-bieb ta’ barra tar-residenza tal-anzjana biex wara l-investigazzjoni li wettqet il-pulizija ġie arrestat iż-żagħżugħ b’rabta ma’ dan il-każ.