Il-mitħna ta’ Birkirkara hija magħrufa bħala l-Mitħna tal-Maħlut u għal aktar minn 200 sena pproduċiet id-dqiq. Għandna filmati minn barra u clip 7292 kif kienet l-mitħna qabel.
F’Ġunju tal-1990, l-artist Gabriel Caruana u martu Mary Rose biddlu din il-mitħna f’ċentru għall-artisti, biex jagħtu spazju għall-arti moderna u kontemporanja b’aċċess sħiħ għall-pubbliku. ritratti pics & other material
Bint il-koppja, Raffaella Zammit tirrakonta jum it-tnedija li minkejja li kienet għadha tifla tiftakru b’mod ċar.
Hija qaltilna: “Xi ħaġa li kienet għal qalbu ħafna u kienet tippromovi ċ-ċeramika kontemporanja. Kienet milqugħa b’mod tajjeb, jiena kont għadni tifla żgħira kelli lanqas għaxar snin imma għadni niftakar. Kien hawn ħafna nies u l-atmosfera kienet vera sabiħa jiġifieri.”
Hija tirrakkonta wkoll l-memorji ta’ tfulita fejn tidħol l-arti ma’ missierha, li ħalla din id-dinja f’Lulju ta’ sentejn ilu.
Raffaella sostniet: “Mhux li jisfurzana imma li nikkrejaw flimkien. Kienet xi ħaġa naturali jiġifieri mhux xi ħaġa just naqbdu karta pereżempju u nibdew npinġu flimkien jew naqbdu t-tafal u nibdew nagħmlu xi ħaġa.”
Il-mitħna waqfet tintuża għal dan l-iskop fl-1929, u sal-1970 serviet ta’ kenn għal bosta nies li marru jgħixu Birkirkara minħabba l-gwerra.
Il-binja ġiet restawrata fl-1980 biex imbagħad għaxar snin wara bdiet tintuża bħala ċentru għall-arti.
Il-Kuratur u d-Direttur tal-Fondazzjoni Gabriel Caruana, Elyse Tonna, appellat biex kull min għandu xi stejjer jew materjal li jitfgħu dawl fuq l-istorja tal-Mitħna jgħaddihom lill-Fondazzjoni, biex eventwalment jiġu ppubblikati fi ktieb.
Hija qalet: “Nixtiequ li nsiru nafu dawn l-istejjer u ovvjament dan ħa jifforma parti mir-riċerka li qed nagħmlu fuq ix-xogħol kollu li sar fil-mitħna f’dawn l-aħħar 30 sena u nħeġġu lill-pubbliku sabiex jibgħatilna l-istejjer tagħhom.”
Kull min għandu xi informazzjoni jew materjal jista’ jikkuntattja lill-fondazzjoni fuq il-paġna ta’ Facebook “Gabriel Caruana Foundation” jew billi jibgħat email fuq outreach@gabrielcaruanafoundation.org