Ix-xeni ta’ suldati mitluqa waħidhom bħal merħla mingħajr ragħaj f’deżert abjad, uħud minnhom imutu bil-kesħa, rajnihom fuq diversi kotba tal-istorja.
Il-gwerra ta’ Franza kontra r-Russja fl-elf tmien mija u tnax swiet il-karriera politika ta’ wieħed mill-akbar ġenerali ta’ kull żmien, Napuljun Bonaparte.
F’dik il-gwerra kienu mal-erbat mitt elf ruħ li mietu.
Tmenin elf suldat ieħor, ħafna minnhom Franċiżi spiċċaw abbandunati u bosta minnhom kienu vittma ta’ daqqiet tal-bajjunetti tal-Kusakki, li ġġieldu favur it-Tsar Russu Alessandru I.
Dan kien ir-riżultat tal-invażjoni Franċiża fuq ir-Russja.
Illum, wara dawn is-snin kollha, fdalijiet ta’ mitt suldat Franċiż u Russu ndifnu f’ċerimonja fi knisja fir-Russja.
Dawn il-fdalijiet kienu nstabu waqt xogħol tal-arkeoloġisti li sar sentejn ilu.
Is-sejba arkeoloġika seħħet viċin il-belt ta’ Smolensk, il-post minn fejn numru ta’ suldati Franċiżi spiċċaw vittma wara li Napuljun daqq l-irtirata.
Fir-Russja saret iċ-ċerimonja tad-dfin mill-ġdid u b’mod iżjed dinjituż ta’ dawn il-persuni u għaliha attendew persuni li huma antenati tal-vittmi.
Dan is-sens ta’ għaqda bejn Franza u r-Russja qed iseħħ fi żmien meta eskalaw it-tensjonijiet bejn l-Ewropa u l-Gvern Russu dwar Alexei Navalny, kritiku ewlieni tal-President Russu u li issa spiċċa l-ħabs wara li rritorna pajjiżu.
Sa ftit tal-ġimgħat ilu, Navalny kien il-Ġermanja fejn irċieva kura wara li ġie vvalenat bin-Novichok.