Minn nhar it-Tnejn, tfal taħt it-tnax-il sena akkumpanjati minn adult biċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux se jkollhom bżonn li jipprovdu test negattiv għall-Covid-19.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Huwa ħabbar ukoll iktar tnaqqis f’restrizzjonijiet minħabba li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna b’rabta mal-imxija qiegħda taħt kontroll.
“Sa issa wkoll l-events, inkluż tiġijiet, riedu bilfors iżommu massimu ta’ sitt persuni fuq kull mejda. Min-nhar it-Tnejn li ġej in-numru se jitla’ għal tmienja, minn sitta. Jekk l-imwejjed ikunu fuq barra d-distanza tinżel minn żewġ metri għal metru u jekk tkun fuq ġewwa minn żewġ metri għal metru u nofs” qal id-Deputat Prim Ministru.
Min-naħa l-oħra attivitajiet fejn nies ipoġġu, il-massimu ta’ persuni se jitla’ għal tliet mija.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega wkoll kif minn mindu reġgħu fetħu l-iskejjel, ġimagħtejn ilu, ma ġew irrappurtati l-ebda gruppi ta’ studenti infettati bil-virus.
Id-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li fuq it-trasport pubbliku, kemm dak fuq l-art u l-baħar, il-kapaċità ta’ kemm jitilgħu nies fuq tal-linja u vapuri bħal tal-Gozo Channel jew il-Fast Ferry, issa se titla’ minn ħamsa u sittin fil-mija għal tmenin fil-mija.
Huwa spjega li fi tmiem il-ġimgħa mistennija joħorġu r-riżultati tal-attività bi prova li saret mingħajr restrizzjonijiet u b’hekk l-awtoritajiet jistgħu jindikaw x’se jsir mill-attivitajiet tal-Milied fost l-oħrajn.
Intant, dwar it-tilqima kontra l-influwenza, il-Ministru għas-Saħħa qal li din ser tingħata wkoll lil tfal ta’ taħt it-tnax-il sena.