Dwar it-tilqim tal-booster, fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Ħamis wara nofsinhar, id-Deputat Prim Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar ukoll numru ta’ postijiet fejn wieħed jista’ jmur jitlaqqam bid-doża tal-booster mingħajr appuntament, mit-Tnejn li ġej.
“Fl-MCAST Għajn Dwieli, f’Ħal Luqa – il-Barracks tal-AFM, il-Bereġ ta’ Sliema, Kerċem, Mellieħa, Naxxar, Santa Venera u ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid, id-disa’ ta’ filgħodu persuna jista’ jmur u jieħu t-tilqima tal-booster mingħajr appuntament.”
Mit-Tlieta li ġej se jibda jkun hemm ukoll mobile clinics li se jduru bosta lokalitajiet u Għawdex biex ilaqqmu lin-nies mingħajr appuntament.
It-Tlieta se jkun fil-Pjazza Prinċipali taż-Żejtun, waqt li l-Ħamis tal-ġimgħa d-dieħla, din il-klinika mobbli se tkun fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid.
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li sa din il-ġimgħa, il-ġenituri kollha ta’ tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena se jkunu ngħataw appuntament għat-tilqim tat-tfal.