Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li min-nhar it-Tnejn li ġej se tiftaħ ir-reġistrazzjoni għal kull persuna li hawn f’Malta minn 16-il sena jew ’il fuq biex jitlaqqam.
Appella biex dawk li ma rreġistrawx jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun biex b’hekk bħala poplu wieħed nieħdu ħsieb xulxin.
Saħaq li n-numri niżlu minħabba l-vaċċin u l-miżuri li ddaħħlu ftit tal-ġimgħat ilu, liema miżuri qed jiġu rilaxxati gradwalment.
Dwar il-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li sal-lum se jkunu ngħataw madwar 395,000 tilqima.
Minnhom madwar 130,000 persuna ġew imlaqqma kompletament.
Dan ifisser li 61% tal-popolazzjoni adulta ħadet l-ewwel doża kontra l-Covid-19.
Chris Fearne qal li Malta għandha biżżejjed dożi biex biex tagħti lill-popolazzjoni kollha, inkluż dawk iżgħar minn sittax-il sena.
Dwar l-eventwalità ta’ doża addizzjonali, Chris Fearne spjega li għas-sena li ġejja u anke ta’ wara jekk ikun meħtieġ, Malta ġa ordnat nofs miljun doża għal kull sena.
Qal li dan isir anki biex pajjiżna jilqa’ għall-varjanti tal-virus.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, saħaq li sa issa m’hemm każ tal-varjant Indjan.