Il-Gvern flimkien mal-ARMS ħabbar li mit-Tnejn 10 ta’ Ottubru, l-ARMS se tkun tista’ tibda toħroġ kontijiet tad-dawl u l-ilma li jirċievu l-familji b’sistema aġġustata u retroattiva minn Jannar li għadda.
Dan se jsir skont tibdiliet li se jidħlu fis-seħħ permezz ta’ avviż legali, b’rabta ma’ regolamenti dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fis-7 ta’ Ottubru.
B’hekk, Gvern Laburista jkun qed iwettaq wegħda oħra tal-Baġit li għadda: dik li jneħħi l-anomalija li kien hemm fil-liġi li daħħal il-Partit Nazzjonalista fl-2009 u li setgħet twassal sabiex xi klijenti ma jużawx il-units tat-tariffi b’rati differenti allokati għalihom.
F’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-ARMS, Silvio Scerri, ġie spjegat li l-ewwel kontijiet li se jirċievu l-familji fix-xhur li ġejjin se jinkludu aġġustament li jagħmel tajjeb għal units li setgħu tilfu minn Jannar li għadda sad-data tal-kont.
Dan filwaqt li l-kontijiet li se jirċievu wara se jibda jkollhom aġġustament għax-xhur ta’ qabel, permezz ta’ sistema kontinwa minn kont għal ieħor.
Fil-fatt, l-aġġustament se jkun imniżżel fil-kont bħala valur għalih li jitnaqqas awtomatikament mill-ammont dovut għall-konsum tal-elettriku u tal-ilma separatament. Dan biex jagħmel tajjeb għal units li ma jkunux intużaw fix-xhur ta’ qabel.
Dan l-aġġustament se japplika kemm għal dawk li għandhom servizz b’rati residenzjali, kif ukoll għar-rati domestiċi.
Qal, “L-aġġustament li wieħed se jara fil-kont se jkun immedjat, jiġifieri fl-ewwel kont ta’ Jannar u Frar tas-sena d-dieħla, fil-kont li jmissu f’Marzu, se jara dak l-aġġustament tal-bands li ma laħaqx fi flus li jeħodhom mal-ewwel – mhux jistenna s-sajf jew l-aħħar tas-sena; jeħodhom immedjatament.”
B’din is-sistema jiġi evitat ukoll li l-familji jkollhom jistennew sal-aħħar tas-sena biex jippjanaw aħjar l-użu tal-elettriku u l-ilma.
Minn kalkoli li saru, huwa stmat li għal madwar 81 fil-mija tal-familji f’Malta u Għawdex, dan l-aġġustament se jammonta għal bejn zero u tmien Ewro fis-sena.
L-aġġustament ikun baxx ħafna għal dawk il-klijenti li jkollhom konsum kostanti minn xahar għal xahar matul is-sena, filwaqt li jvarja għal dawk li jkollhom perjodi tas-sena b’konsum ferm ogħla jew aktar baxx mill-kumplament tas-sena.
B’rabta mal-mod kif il-Gvern sab soluzzjoni għal din l-anomalija, il-Ministru Miriam Dalli sostniet li, li kieku l-Gvern ħa l-parir tal-Partit Nazzjonalista u daħħal sistema ta’ aġġustament li jingħata biss fl-aħħar tas-sena, familja minn kull ħamsa f’Malta, jiġifieri 21 fil-mija kienu se jispiċċaw jitilfu l-eko iduzzjoni li jgawdu minnha llum, u jkollhom kontijiet saħansitra ogħla.
Qalet, “Kienu ssuġġerew li jkollna kontijiet annwalizzati mingħajr ma rrealizzaw li kien se jkollna familji li jitilfu l-ekoriduzzjoni, mingħajr ma rrealizzaw li kienu se jintlaqtu ħażin il-businesses tagħna u kienu se jipperikolaw eluf ta’ impjiegi. Aħna la ridna nipperikolaw l-impjiegi u lanqas ridna ntellfu l-ekoriduzzjoni lin-nies. Allura l-kontijiet li jinħarġu kull xahrejn se jibqa’ jkollhom il-mod kif tinħadem l-ekoriduzzjoni kull xahrejn.”
Il-Ministru Miriam Dalli temmet tgħid li permezz ta’ dan it-tibdil il-Gvern Laburista qed ikompli jikkonferma l-kredibilità tiegħu fil-qasam tal-enerġija.
Fakkret f’kif, ftit xhur wara r-rebħa elettorali tal-2013, il-Gvern Laburista mill-ewwel raħħas il-kontijiet b’25 fil-mija għall-familji u sena wara raħħas b’25 fil-mija wkoll it-tariffi għan-negozji. Minbarra dabn, illum b’differenza għal kif kien jiġri taħt Gvern Nazzjonalista, li dejjem kien jgħolli l-kontijiet u jitfa’ l-piż fuq il-familji u n-negozji, illum Malta għandha fost l-orħos tariffi tad-dawl u l-ilma fl-Ewropa.