Mit-Tnejn li ġej, disgħa ta’ Mejju, se jonqsu l-miżuri restrittivi b’rabta mal-ivjaġġar lejn pajjiżna, hekk kif se jitneħħew il-listi l-ħomor u ħomor skuri tal-ivjaġġar.
Dan se jfisser li se jitneħħa l-bżonn tal-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika għal vjaġġar minn u lejn pajjiżi li sa issa kienu qegħdin fuq il-lista l-ħamra skura.
Għalhekk, min-nhar it-Tnejn, l-ivvjaġġar lejn Malta se jiddependi biss fuq l-immunità tal-individwu u għalhekk se jibqa’ l-bżonn obbligatorju li qabel persuna ttir lejn pajjiżna, ikollha ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent tas-Saħħa
Pubblika jew ċertifikat ta’ rkupru rikonoxxut mill-awtoritajiet Maltin, jew inkella riżultat ta’ test PCR negattiv li ma jkunx ittieħed iżjed minn tnejn u sebgħin siegħa qabel il-wasla f’pajjiżna jew erbgħa u għoxrin siegħa fil-każ ta’ rapid test.
Jekk persuna tonqos milli tippreżenta xi wieħed minn dawn id-dokumenti mal-wasla tagħhom f’Malta, ikollha tagħmel kwarantina mandatorja ta’ għaxart ijiem, li tonqos għal sebat ijiem jekk isir test li jirriżulta fin-negattiv.
Tfal ta’ taħt is-sitt snin m’għandhom għalfejn jippreżentaw l-ebda dokument.
Din it-tneħħija tal-miżuri qed issir wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, tneħħa wkoll il-bżonn li persuna tippreżenta l-formola magħrufa bħala Passenger Locator Form meta tivjaġġa lejnn pajjiżna.
Fi stqarrija, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne saħaq li din il-mixja lejn in-normalità qed issir b’responsabbiltà u bis-saħħa tal-programm tat-tieni doża tal-booster li qed tiġi offruta lill-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Bħalissa, persuni li għandhom iktar minn ħamsa u sittin sena qed jirċievu l-ittri t’appuntament għall-vaċċin li jistgħu jmorru jitlaqqmu bit-tieni doża tal-booster fuq bażi volontarja.