Mit-Tnejn li ġej, se jonqos il-perjodu tal-kwarantina għal min ikun imlaqqam bid-doża addizzjonali tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Fil-fatt, mit-tlieta ta’ Jannar tas-sena l-ġdida, persuni li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 u jkunu ħadu l-booster, se jkunu obbligati jagħmlu perjodu ta’ kwarantina ta’ għaxart ijiem minflok erbatax-il ġurnata. Dan sakemm fl-aħħar tlett ijiem tal-kwarantina, ma jkollhomx sintomi.
Persuni li jkunu f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv, l-hekk imsejħa l-primary contacts, li jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu, jistgħu jtemmu l-kwarantina obbligatorja sebat ijiem wara l-aħħar kuntatt mal-persuna pożittiva, wara li jagħmlu rapid test li jirriżulta fin-negattiv.
Mit-Tnejn li ġej ukoll, persuni meqjusa bħala secondary contacts, jiġifieri nies li jgħixu fl-istess residenza ma’ persuni li kienu f’kuntatt dirett ma’ xi ħadd pożittiv, m’għandhomx għalfejn jagħmlu kwarantina, jekk ikunu mlaqqma bil-booster.
Waqt żjara fiċ-ċentru ta’ tilqim fl-Università ta’ Malta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne qal li dan kollu se jkun possibbli għaliex fis-sigħat li ġejjin, f’pajjiżna se jkunu tlaqqmu ħamsin fil-mija tar-residenti Maltin eliġibbli għall-booster kontra l-COVID-19.
Fearne tenna, “Persuni li jkunu pożittivi u ħadu l-booster, ħa tonqos il-perjodu ta’ kwarantina tagħhom minn erbatax-il ġurnata għal għaxart ijiem, persuni li kienu f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv li għandhom ċertifikat tal-vaċċin validu, ħa jkollhom bżonn jagħmlu sebat ijiem kwarantina, persuni li kienu f’kuntatt ma’ dawn it-tip ta’ persuni li sal-lum kienu wkoll obbligati jagħmlu kwarantina, issa jekk ħadu l-booster mhux se jibqa’ l-bżonn li jagħmlu l-kwarantina.”
Id-Deputat Prim Ministru rrimarka li filwaqt li bħalissa, ir-rata ta’ tilqim hija tajba ħafna, sabiex jiżdied l-aċċess għall-vaċċin, mit-Tnejn li ġej se jiżdiedu ċ-ċentri ta’ vaċċinazzjoni.
Fejn qal, “Min-nhar it-Tnejn, iċ-ċentri ta’ tilqim se jiżdiedu minn sebgħa li għandna llum b’aktar minn tliet darbiet għal erbgħa u għoxrin ċentru madwar Malta u Għawdex. Dan ifisser li l-persuni li ħa jibdew jirċievu l-appuntament għat-tilqim, f’ħafna każijiet se jkun iżjed viċin ir-residenza tagħhom u allura nħeġġu aktar nies jirreġistraw fuq vaccin.gov.mt biex huma wkoll jieħdu l-booster bħall-kumplament tal-poplu Malti.”
Kull min għandu aktar minn tmintax-il sena, jista’ jirreġistra għall-booster fuq vaccin.gov.mt.