Minn nhar it-Tnejn li ġej, kwart ta’ miljun ruħ f’pajjiżna se jkunu qed jirċievu ċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela quddiem folla mill-isbaħ li attendiet bi ħġarha għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem.
Fi sfond ta’ lwien bojod u ħomor li jsawru l-bandiera Maltija, il-Prim Ministru sostna li b’din il-miżura msaħħa, il-Gvern se jkun qed jinvesti fil-ħaddiema u l-pensjonanti €26 miljun ewro.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal “Meta bdejna din il-miżura ftit snin ilu, investejna fiha inqas minn tnax-il miljun ewro f’sena. Illum dan l-investiment aktar minn irduppjajnih. F’sitt snin, b’din il-miżura waħedha, se nkunu investejna mitt miljun ewro lura fikom il-ħaddiema. Għax aħna nagħtu kelma u nżommuha”
Madankollu, din ma kinitx l-unika miżura importanti li ħabbar il-Prim Ministru fid-diskors tiegħu fil-Belt.
Quddiem folla li bdiet minn Triq ir-Repubblika u li saħansitra baqgħet sejra lil hinn minn Bieb il-Belt, Dr Robert Abela ħabbar miżura oħra li ser tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Gvern biex aktar nies isiru sidien ta’ djarhom.
Dan minkejja ħemel ta’ miżuri fl-aħħar xhur u snin minn dan il-Gvern biex jgħin aktar persuni jidħlu fis-suq tal-proprjetà.
“Fl-istess ħin irridu nsostnu l-ħidma li diġà bdiet biex aktar nies isiru sidien ta’ darhom. Għalhekk, bl-istess ħsieb, irridu nsaħħu skemi li jeżistu għal dan il-għan bħal dik tal-equity sharing, fejn il-Gvern jidħol sħab miegħek biex jgħinek issir sid ta’ darek. Din irridu nwessgħuha biex nilħqu iktar nies. Għaliex iva, huwa minnu li għandna rata ta’ home ownership qawwija, iżda rridu li kulħadd jilħaq l-aspirazzjoni tiegħu. Xogħolna huwa li dejjem naħsbu f’min irridu nilħqu iktar.”
Intant, Dr Abela żvela li applikaw 2,500 għall-iskema fejn il-first-time buyers jingħataw €10,000 fuq għaxar snin. Din hi skema tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ li l-Gvern qed jimplimenta minn kmieni fil-leġiżlatura.
B’reazzjoni għal dawn iż-żewġ miżuri massiċċi li ħabbar, il-Prim Ministru Robert Abela qal li, illum aktar minn jiem oħra, il-Partit Laburista għandu jkun kburi li huwa l-uniku moviment tal-ħaddiema.
Huwa elenka wħud mid-deċiżjonijiet importanti li huma xhieda ta’ dan u li l-Partit Laburista mill-Gvern ħadhom fl-aħħar xhur u snin favur il-poplu.
Dawn jinkludu ċ-childcare b’xejn, iż-żidiet fil-pensjonijiet, l-istabbiltà fil-kontijiet tal-enerġija, miżuri li wasslu għall-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, it-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, u aktar drittijiet ċivili għal kulħadd, fost ħafna oħrajn.
Il-Prim Ministru rrimarka dwar ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għal dan kollu.
“Fl-istess nifs, imbagħad, tismagħhom jippruvaw iċekknu dak li qed nagħmlu u jippruvaw ibellgħuha li hu normali li l-Gvern jgħin lin-nies. Huwa normali, iva, li l-Gvern jgħin lin-nies – biss sakemm jibqa’ l-Partit Laburista fil-Gvern. Sa din il-ġimgħa stess il-Kap tal-Oppożizzjoni qalilna li l-pjan tiegħu għall-futur hu l-istess wieħed ta’ qabel l-elezzjoni. Dak il-pjan mimli żbalji li l-poplu rriġettah u qallu ‘m’għandniex x’nambuh’. U dak is-suppost pjan, ħa nfakkarkom, kieku telgħu huma kien ifisser li r-rifużjoni tat-taxxa li se nagħtu l-gimgħa d-dieħla jwaqqfuha; li sitta u għoxrin miljun ewro li se ninvestu fikom, ma jagħtuhomx.”
Intant, quddiem eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin li attendew bi ħġarhom għal din iċ-ċelebrazzjoni tal-ħaddiem f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela għalaq b’messaġġ b’saħħtu favur aktar ħidma fiż-żmien li ġej: ħidma li se twassal għal-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-poplu kollu.
“Baqgħalna erba’ snin ta’ xogħol b’saħħithom. Se jkunu erba’ snin ta’ riżultati. Se jkunu erba’ snin li matulhom nibqgħu nsostnu lill-pensjonanti, insaħħu lill-ħaddiema, noħolqu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, nagħtu garanzija lit-tfal kollha u, biex nagħmlu dan, għandna pjan b’saħħtu, għandna elf proposta. Bdejna nwettquhom. Elf proposta mdawrin mal-kwalità tal-ħajja. Minn għada nkomplu naħdmu biex nagħmluhom realtà u s-sena d-dieħla nerġgħu niġu hawn biex nitkellmu dwar kemm wettaqna iktar u dwar kif inkunu se nwettqu iktar, għax magħna taf fejn qiegħed. Għax aħna nwettqu dak li nwiegħdu. Għax, fuq kollox, aħna nħobbu lil pajjiżna u, biex tmexxi lil pajjiżek, trid tkun tħobbu. Malta l-ewwel u qabel kollox. Viva l-Ħaddiema kollha. Viva l-Ħaddiema Għawdxin u Maltin. Viva Jum il-Ħaddiem.”