Mit-Tnejn 17 ta’ April jerġà jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-waqfa għall-Għid, biex b’hekk tkompli l-ħidma fuq emendi u abbozzi ta’ liġi ġodda li jolqtu lil kull tessut tas-soċjetà.
Dan flimkien ma’ numru ta’ diskussjonijiet fuq diversi temi kurrenti u li l-poplu jkun jista’ jsegwihom sabiex iżomm aġġornat ma’ kull żvilupp importanti li jsir.
Tkellimna mal-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, li rrimarkalna dwar ix-xogħol li hemm lest biex jibda jiġi indirizzat minn naħa tal-Gvern.
Fost l-oħrajn semma l-emenda li titratta l-vjolenza domestika.
Hawn il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, “Se nkomplu niddiskutu l-emendi li jitrattaw il-vjolenza domestika, fejn bħala Gvern qed nirrikonoxxu li din mhux problema ta’ individwu wieħed biss imma problema li tolqot lis-soċjetà kollha. Huwa suġġett sensittiv u delikat u allura żgur li seħjkun qed iqajjem dibattitu interessanti fil-Parlament”.
Barra minn dan, se jiġu trattati abbozzi li jolqtu wkoll lis-setturi tal-agrikoltura, tas-sajd, u tal-kostruzzjoni.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, “Hemm abbozz li jitratta wkoll diversi emendi fuq l-agrikoltura u s-sajd, u abbozz ieħor interessanti ħafna huwa dwar ir-regolamenti ġodda li jitrattaw il-kostruzzjoni. Hawnhekk, anke bħala Gvern, q d nuru u nirrikonoxxu li dan is-settur kellu jissaħħaħ”.
Dan flimkien ukoll ma’ diskussjonijiet li se jitrattaw, fost l-oħrajn, l-estimi tal-awtoritajiet f’pajjiżna.
Andy Ellul temm jgħid li, b’din il-ħidma, il-Gvern qed iħares ’il quddiem sabiex ikompli jwettaq il-pjan ta’ ħidma tiegħu f’dak li huwa l-manifest elettorali tal-Partit Laburista, favur kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.
“Bħala Gvern aħna nħarsu ’l quddiem biex aħna nwettqu l-proposti tal-manifest elettorali li llum jifforma parti mill-pjan ta’ ħidma tal-Gvern biex anke aħna, bħala deputati u grupp parlamentari tal-Partit Laburista, nibqgħu nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies u kulħadd jibqa’ jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar” qal Andy Ellul.