L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ħabbret li mit-Tnejn li ġej, se tissospendi wħud mid-direttivi tagħha.
Il-MAM spjegat fi stqarrija li mit-Tnejn li ġej fit-tmienja ta’ filgħodu, se tkompli bl-operazzjonijiet u interventi kirurġiċi, imma se tħalli d-direttivi fid-dipartiment tal-outpatients.
Fl-istqarrija, il-MAM irrikonoxxiet li l-Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa għarfu l-bżonn ta’ miżuri ġodda paripassu ma’ kif qed tiżviluppa l-pandemija f’pajjiżna.
L-assoċjazzjoni laqgħet b’sodisfazzjon il-miżura tal-ilbies obbligatorju tal-maskri f’postijiet ġewwa, u nnutat li din se tiġi nfurzata b’multi.
Il-MAM qalet li se tkun qed issegwi mill-qrib l-infurzar u l-effetti li se jħallu dawn il-miżuri, qabel ma tissospendi d-direttivi fid-dipartiment tal-outpatients.
Dan anki jekk qalet li qed tieħu dawn id-deċiżjonijiet b’risq is-saħħa tal-pazjenti.