Minn nhar it-Tnejn sitta ta’ Settembru l-Awtorità tad-Djar se tibda tilqa’ l-applikazzjonijiet għall-iskema New Hope Guarantee, li nieda l-Prim Ministru nhar l-Erbgħa li għadda.
Minħabba kumplikazzjoni medika jew dawk li għandhom diżabilità ma kinux jikkwalifikaw għall-polza tal-assigurazzjoni tal-ħajja u għalhekk qabel ma setgħux jieħdu self mill-bank għax-xiri ta’ proprjetà.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega l-mod kif l-Awtorità se tgħarbel kull applikazzjoni għall-iskema.
“Immedjatament x’ħin ikollnba d-dokumenti kollha, inkluż dokumenti mediċi, l-awtorità u anke s-CRPD se jagħmlu l-iscreening li hemm bżonn. L-Awtorità biex tara għandhiex proprjetà, u s-CRPD tagħmel screening tal-kunduzzjoni, mard jew dak li qed iwaqqafha milli tieħu self. Wara l-Awtorità tagħmel ir-rakkomandazzjoni, jekk il-persuna tissodisfa l-kriterji, u jitlaq is-self mill-bank.”
Dan filwaqt li jkun hemm serħan il-moħħ ukoll għall-qraba ta’ min ikun gawda, f’każ li dan, għal xi raġuni, ma jkunx jista’ jibqa’ jħallas is-self.
“F’ċirkostanzi fejn il-benefiċċjarju ma jkunx jista’ jħallas il-loan, hemmhekk l-Awtorità se tgħin. F’każ li l-persuna ma jibqax magħna, l-werrieta se jidħlu fiż-żarbun tal-benefiċċjarju.”
Il-gvern ħa jkun qed jgħin lil dawn l-individwi b’garanzija li se tkopri self massimu ta’ kwart ta’ miljun ewro fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja.
Is-self se jinħareġ mill-bank APS, li diġà ħadem mal-Awtorità tad-Djar fuq proġetti u inizjattivi soċjali oħra, kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-bank, Marcel Cassar.
“Bħala bank Malti fil-komunità nħossu li għandna ngħinu u nkunu minn ta’ quddiem li noħorġu bl-ideat. Dejjem sibna l-Gvern u lill-entitajiet tal-Gvern li appoġġjaw dawn l-ideat.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega li l-ħidma fuq skema bħal din ilha għaddejja, u tirrifletti l-impenn tal-Gvern li kulħadd ikun sid ta’ daru.
“Ix-xogħol kollu li sar, illum qed naraw il-frott tiegħu, li l-Gvern joffri din il-garanzija lill-banek. Irrid ngħid ukoll li l-APS kien bank pijunier li mexa magħna fid-diskussjoni. Minn nhar it-Tnejn l-iskema se tiġi offruta mill-APS u jistgħu jsegwu banek oħra li jagħtu s-servizz.”