Minn nhar it-Tnejn li ġej id-djar tal-anzjani li laqqmu aktar minn 90% tal-anzjani tagħhom bit-tieni doża tal-vaċċin u għaddew 15-il jum mindu sar dan, jistgħu jibdew jilqgħu ż-żjarat mill-qraba taħt ċertu regoli.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġew spjegati l-protokolli l-ġodda li se jidħlu fis-seħħ.
Il-Ministru spjega li minn nhar it-Tnejn li ġej żewġ persuni biss mill-istess dar jistgħu jżuru lill-anzjani tagħhom wara li jkunu għamlu appuntament.
Iż-żjara se ssir f’post speċifikat.
Il-Ministru Farrugia stqarr li: “L-appuntament ikun qed isir għal 25 minuta biex dejjem nagħtu 5 minuti wara bie xil-post ikun sanitizzat qbel jidħlu l-viżitaturi ta’ wara biex jiltaqgħu ma’ anzjani oħrajn fl-istess dar. Se jkun qed jitneħħa l-perspex.”
Il-Ministru Farrugia spjega wkoll li l-appuntamenti se jkunu jistgħu jsiru darba f’ġimgħa biss.
Anzjani li jkollhom qraba ġejjin minn djar differenti, irid isir arranġament bejniethom biex ikollhom appuntamenti separati minn xulxin.
Qabel jidħlu, il-qraba huma wkoll obbligati jużaw is-saniters provduti fid-djar tal-anzjani filwaqt li jilbsu l-maskra u josservaw il-miżuri tad-distanza soċjali.
Dr Farrugia spjega wkoll li mit-12 ta’ April, jiġifieri nhar it-Tnejn li ġej, l-anzjani jistgħu wkoll jduru u jqattgħu ħin madwar id-dar kollha.
Huwa spjega: “Jistgħu jsirulhom attivitajiet mill-istaff u jistgħu wkoll isirulhom attivitajiet reliġjużi taħt ċertu kundizzjonijiet. It-tieni, jistgħu jsiru attivitajiet kulturali, soċjali, edukattivi u ta’ rikreazzjoni diment li jkunu osservati l-protokolli bejn min ikun qed jagħti dawn is-servizzi u r-residenti taħt l-istruttura ta’ infection control u d-distanza soċjali.”
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Michael Farrugia spjega li anzjani li jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19 se jinħarġu mid-dar li jgħixu fiha u jitpoġġew f’dar separata sakemm jirriżultaw negattivi għall-virus.
Fid-djar tal-anzjani, is-sodod riservati se jonqsu minn 5% għal 2% b’minimu ta’ tliet sodod iridu jibqgħu riservati bħala sodod ta’ kontinġenza.
Dawk id-djar li ma laħqux il-marka tad-90% tat-tieni tilqima jew m’għaddewx ħmistax-il ġurnata mindu sar dan, għalissa mhux se jkunu qed jilqgħu żjarat.
Fil-fatt, madwar Malta u Għawdex huma biss tlett idjar minn disgħa u tletin li fihom ma jistgħux isiru żjarat.
Dan hekk kif tnejn minnhom ma laħqux il marka tad-9️0% tat-tieni doża filwaqt li f’dar oħra għadhom ma għaddewx 1️5-il jum mindu ntlaħqet il-marka tad-9️0%.
Intant, il-Ministru Farrugia spjega li l-istess protokolli se japplikaw għall-isptar San Vinċenz de Paul ħlief li ż-żjarat jistgħu jsiru minn persuni li jgħixu fi djar differenti.
Huwa sostna: “Persuni minn households differenti jistgħu jattendu fl-istess ħin. Dawn se jibqgħu imma jridu jibqgħu wara l-perspex. Ma jistgħux jiltaqgħu mal-qarib jew il-qariba tagħhom mingħajr perspex. Jekk tkun household waħda iva bħad-djar tal-anzjani hemmhekk se nkunu qed ineħħu l-perspex u jobdu r-regolu. Differenza oħra f’San Vinċenz, il-qraba ma jistgħux biss jilbsu l-maskra imma maskra u visor.”
Dr Farrugia spjega wkoll li f’San Vinċenz tlaqqmu 97% tal-anzjani bit-tieni doża tal-vaċċin.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Permanenti Matthew Vella saħaq li l-Awtorità tal-Istandards u l-Ħarsien Soċjali se tkun qed tara li dawn ir-regoli jiġu infurzati filwaqt li jiġi assigurat li kulħadd jobdihom.
Dan permezz ta’ rondi u spezzjonijiet.
Saħaq li dawn il-passi issa setgħu isiru grazzi għal rata b’saħħitha ħafna ta’ vaċċinazzjoni speċjalment qalb l-anzjani.