Mit-Tnejn li ġej kumpaniji u negozji jistgħu jibdew japplikaw għal miżuri t’għajnuna mħabbra mill-Prim Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia qal li fuq is-sit elettroniku tal-Malta Enterprise, min iħaddem jista’ japplika għal miżuri ta’ għajnuna minħabba li l-Coronavirus affettwa l-operat tagħhom.
Is-Sur Farrugia spjega: “Propju nhar it-Tnejn fuq il-website min iħaddem se jkun qed jitla’ applikazzjoni u japplika għal ħaddiema u jieħu l-ħlas ta’ €800 għal kull ħaddiema.
Dawk il-buisness l-aktar milquta u li l-gvern qalhom li ma jistax jiftaħ.”
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit covid19.maltaenterprise.com. Fuq is-sit hemm il-miżuri mħabbra mill-Gvern fi 3 pakketti finanzjarji.
Minn dan l-istess sit tal-Malta Enterprise wieħed jista’ jikseb applikazzjonijiet relatati ma’ taxxa u sigurtà soċjali.
Is-Sur Farrugia spjega kif il-Malta Enterprise se tkun qed tagħti gwida lil min iħaddem dwar liema miżuri jistgħu jibbenefikaw minnhom.
Huwa sostna: “Matul il-weekend se jkun hemm il-listi kollha u l-metodoliġija li se tħaddem il-Malta Enterprise għal ħlas. Fil-website minn nhar it-Tnejn se jkun hemm taħt liema skemi se jibbenefikaw.”
Saħaq li n-negozji u kumpaniji huma sodisfatti bil-miżuri li jolqtu lil madwar 110,000 elef ħaddiem. Miżuri li permezz tagħhom, meta r-rota terġa’ tibda ddur, in-negozji se jkunu kapaċi jkomplu bl-operat tagħhom.
Is-Sur Farrugia kompla jispjega: “Meta l-ekonomija terġa’ tibda taħdem fi ftit ġimgħat. Il-buisness jerġa jqum fuq saqajh. Ma jintilfux impjieg u jirpilja mill-ewwel. U min iħaddem l-impjiegi jibqgħu hemmhekk.”
L-applikazzjonijiet ħa jibqgħu miftuħa għal żmien indefinit.
Kumpaniji u negozji jistgħu jingħataw l-għajnuna mill-Malta Enterprise billi jċemplu fuq 144 jew jibagħtu email fuq covid@maltaenterprise.com