Min-nhar it-Tnejn li ġej, it-2 ta’ Mejju, il-miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-pandemija, mhux se jibqgħu fis-seħħ waqt il-quddiesa u ċelebrazzjonijiet oħra bil-preżenza tal-pubbliku fil-knejjes.
Dan tħabbar fi stqarrija li ħarġet il-Kurja l-Ħamis waranofsinhar, li fiha qalet li dan se jseħħ wara li l-awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru tibdil fir-regolamenti b’rabta mal-ġlieda kontra l-pandemija.
L-istqarrija tgħid li huwa rrakkomandat li fil-knejjes jibqa’ jintuża d-diżinfettant tal-idejn, speċjalment minn dawk li jqarbu waqt il-quddies.